F’ittra mibgħuta lill-Ispeaker Anglu Farrugia, id-deputat Nazzjonalista Joe Cassar informa lill-Parlament li irriżenja mill-Kamra tar-Rappreżentanti.
F’ittra separata, Cassar informa ukoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni b’din id-deċiżjoni. Fl-istess waqt ċaħad kategorikament li qatt għamel xi ħaġa ħażina jew illegali. “Filwaqt li se nħalli l-ħajja politika, xorta se niddefendi ismi minn kull akkuża li saritli”, sostna Joe Cassar.
Fi tweġiba, il-Kap tal-PN Simon Busuttil stqarr illi jifhem id-deċiżjoni li ħa Joe Cassar, liema deċiżjoni tiġbed rispett u ammirazzjoni.
Minn naħa tiegħu Joe Cassar qal illi l-attakk feroċi fuqu fl-aħħar jiem ħoloq pressjoni fuq il-familja tiegħu, li hu mhux lest jaċċetta. “Jien dħalt fil-politika biex ngħin lil ħaddieħor, u mhux bies inħalli jsir assassinju tal-karattru fuqi”.
Dan l-iżvilupp se jwassal biex b’hekk inħoloq post vakanti fil-Parlament, u għalhekk trid issir elezzjoni każwali fuq is-7 Distrett.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista sostna li dan il-każ hu biss ‘the tip of the iceberg’, filwaqt li ma semma’ xejn dwar x’se jagħmel il-Prim Ministru quddiem l-allegazzjonijiet aktar serji li jeżistu dwar ir-relazzjonijiet bejn Gaffarenau Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Oppożizzjoni qed tissettja l-istandards fil-politika f’pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil Joe Cassar għas-servizz tiegħu għall-pajjiż u għall-mod kif, bid-deċiżjoni tiegħu, ħoloq standards ġodda fix-xena politika Maltija.
L-istqarrija fakkret kif filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ħa passi fi kwistjoni ta’ jiem, il-Prim Ministru Muscat ilu jkaxkar saqajh xhur twal biex jieħu passi kontra s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon. Hu ċar li Muscat mhux kapaċi jieħu deċiżjoni fuq l-iskandli li fnew lill-Gvern Laburista, sostna l-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija.
Agħfas hawn biex taqra l-ittri.
//= $special ?>