Lokali

Liquigas tirkupra eluf ta’ ċilindri miżbugħin illegalment

Eluf ta’ ċilindri tal-gass LPG ħodor u sofor ta’ Liquigas, li nżebgħu griżi u mtlew illegalment minn terzi persuni, kienu rkuprati mis-suq f’Malta u Għawdex matul Ottubru.

Dan hu riżultat ta’ kampanja ta’ tagħrif li għaddejja bħalissa, fejn Liquigas qed toffri li tibdel mingħajr ħlas iċ-ċilindru miżbugħ illegalment, issiġillat jew użat, ma’ ċilindru mimli aħdar jew isfar ta’ Liquigas. Dawn iċ-ċilindri miżbugħin illegalment jistgħu faċilment juru l-kulur oriġinali ta’ Liquigas taħt iż-żebgħa griża.

Fi stqarrija, kelliem ta’ Liquigas qal li l-kumpanija mhix f’pożizzjoni li tassumi responsabbiltà għaċ-ċilindri li nżebgħu u mtlew b’mod illegali. L-offerta tal-kumpanija tiskadi s-Sibt li ġej, 7 ta’ Novembru.

Spjega li bir-rata li ċ-ċilindri qed ikunu rkuprati, il-klijenti huma mitluba jikkuntattjaw lil Liquigas minnufih ħalli jibbukkjaw il-bdil taċ-ċilindru sad-data tal-għeluq u jingħataw b’xejn wieħed mimli ta’ Liquigas.

Dawk il-persuni li għandhom ċilindru miżbugħ illegalment, għandhom jikkuntattjaw lil Liquigas fuq in-numru tat-telefon 2248 6010 (waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju), inkella b’email lil info@liquigasmalta.com.