“Inħossni maħlub… imma kuntent ħafna li erġajt lura mal-familja.”
Noel Sciberras weġibna b’dawn il-kliem hekk kif ikkuntattjajnieh tard ilbieraħ filgħaxija meta rritorna Malta lura mal-familja wara li kien ilu 47 jum maħtuf minn grupp ta’ kriminali ftit ’il barra minn Tripli fil-Libja.
Noel Sciberras inħeles kmieni filgħodu nhar l-Erbgħa li għadda u fil-jiem li għaddew kien qiegħed jinżamm f’post sikur fi Tripli sakemm saru l-arranġamenti meħtieġa biex hu seta’ jinġieb Malta b’titjira li saret ilbieraħ filgħaxija biex b’hekk Noel Sciberras seta’ jingħaqad mill-ġdid mal-għeżież tiegħu f’Malta.
Fil-jiem li għaddew komplew ikunu kruċjali l-interventi ta’ membri tas-servizz tas-sigurtà Malti u ta’ diplomatiċi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti li ħejjew id-dokumenti kollha meħtieġa biex Noel Sciberras seta’ jħalli Tripli u jħalli warajh il-perikli li kien jinsab fihom.
Nifhmu li wara l-ħelsien tiegħu – li għalih ma tħallas ebda rahan minkejja s-somma qawwija ta’ miljuni ta’ dollari mitluba – issa Noel Sciberras se jgħaddi perjodu ta’ mistrieħ f’Malta flimkien mal-familjari tiegħu, li naturalment jinsabu kuntenti li laqgħuh mill-ġdid fosthom qawwi u sħiħ.
//= $special ?>