In-niċċa magħrufa bħala tal-Vitorja, li turi l-Madonna b’Ġesu’ fuq dirajha, u li sfortunatament tinsab moħbija u minsija f’ġenb tat-Telgħa tas-Saqqajja għandha bżonn intervent ta’ restawr li jlaħħaq spiża ta’ madwar E1,900.
Jirriżulta li din in-niċċa, skont it-tradizzjoni hi marbuta mal-Assedju l-Kbir, tant li d-data li kien hemm miktuba fuq l-irħama tagħha turi l-1565 miktuba bi stil Għarbi tas-seklu sittax. Wieħed isib ukoll il-kitba bil-Latin: ‘S’hawn waslu t-Torok’.
Fl-1565 I-Imdina kienet taħt il-kmand ta’ Don Ascanio della Corna u minn fuq is-sur seta’ jara il-kolonni tat-Torok resqin lejn l-Imdina. Hu ried iħallihom jersqu iktar qabel ma jattakkhom meta f’daqqa waħda, kif waslu fil-post magħruf bħala ‘Tad-Dwierer’, dawn daru fuq il-lemin u bdew miexjin lura lejn San Pawl il-Baħar fejn kellhom ix-xwieni.
Don Ascanio u s-suldati tal-Imdina ħarġu għalihom u saret taqtiegħa ħdejn it-Torri Falca, limiti tal-Mosta, fejn ir-riġment tal-Imdina ħarġu rebbieħa – rebħa li kienu jemmnu li ġiet bl-interċessjoni tal-Madonna.
Kien għalhekk li nbniet din in-niċċa, li madankollu llum tinsab fi stat ta’ abbandun. Kien fit-8 ta’ Settembru li għadda li Net news irraporta dwar l-istat ta’ din in-niċa, b’servizz fl-aħbarijiet li wassal biex kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fir-Rabat, ewlieni fosthom Rudolf Grima, talbu li jsir studju dwar l-interventi li hemm bżonn fuq din in-niċċa.
Mir-rapport imħejji minn James Licari, konservazzjonist, joħroġ li n-niċċa għandha bżonn intervent ta’ tindif, studju dwar saffi oħra li żdiedu maż-żmien fuq dawk oriġinali, bil-possibilta’ li dawn jitneħħew biex jinkixfu dettalji fl-iskultura, it-tneħħija ta’ siment u materjal ieħor fil-wiċċ li żdied mas-snin, it-tisħiħ tal-istruttura, rikostruzzjoni ta’ partijiet li tmermru u tinkesa b’materjal protettiv li jipproteġi n-niċċa mill-elementi.
Minħabba li l-ispiża hi waħda sostanzjali, fil-ġimgħat li ġejjin mistenni li l-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, bl-għajnuna tal-konservazzjonisti, ifittxu metodi biex jinġabru l-fondi għal dan ir-restawr.
Infurmati li diġa’ kien hemm kumpaniji li wrew interess li jgħinu mill-aspett finanzjarju.
//= $special ?>