Kelliema għall-Gvern Libjan fi Tripli li hu appoġġjat mill-Iżlamiċi heddew li ‘jgħarrqu lill-Ewropa’ b’miljuni ta’ immigranti jekk dan il-Gvern jibqa’ ma jingħatax rikonoxximent fuq livell dinji.
Il-komunità internazzjonali fil-preżent tagħraf biss lill-Gvern Libjan elett, li kien kostrett jaħrab lejn Tobruk xhur ilu. Sadanittant, uffiċjali qrib il-Gvern Iżlamiku fi Tripli qegħdin jheddu li jiffaċilitaw sitwazzjoni fejn id-dgħajjes iwasslu immigranti minn madwar l-Afrika, li jridu jitilqu ‘għal raġunijiet ekonomiċi’, minn naħa tal-Mediterran għal oħra.
L-istess uffiċjali indikaw li jistgħu jabbandunaw il-kontrolli kollha ta’ mal-fruntieri flimkien mal-operat tal-pulizija fejn qed jinqabdu mijiet ta’ immigranti li kuljum qed jippruvaw jaqsmu lejn l-Ewropa.
Jamal Zubia, kelliem għall-Gvern fi Tripli, qal li pajjiżu jista’ wkoll jirrifjuta r-ripatrijazzjoni ta’ immigranti li diġà qasmu l-Mediterran. Fl-istess ħin, politiċi fi Tripli qalu li pajjiżhom iddejjaq jipproteġi l-aċċessi għall-Ewropa, meta dan il-kontinent ma jirrikonoxxix il-leġittimità tal-amministrazzjoni tagħhom.
L-Ewropa diġà qed issibha diffiċli biex tlaħħaq mal-eżodu kontinwu tal-immigranti lejn artha u ma’ dawk li qegħdin jaslu fil-Greċja u l-Italja. L-osservaturi Ewropej, sadanittant, jaqblu li kwalunkwe pass mil-Libja biex tnaqqas mill-kontrolli mal-fruntiera għandu jkun devastanti għall-kontinent tagħhom.
//= $special ?>