Lokali Parlament

Anzjani qed jispiċċaw bla dar vittmi ta’ liġi li għadda Mintoff fl-1979

L-Oppożizzjoni lesta taħdem mal-Gvern biex tinstab soluzzjoni mingħajr aktar dewmien

L-Oppożizzjoni stiednet lill-Gvern biex flimkien tinstab soluzzjoni li tindirizza r-realtà ta’ koppji anzjani li qed jispiċċaw bla dar u mingħajr saqaf b’sentenzi tal-Qorti li qed jingħataw “ġustament” favur sidien ta’ propjetà iżda b’anzjani li qed jispiċċaw vittmi ta’ liġi “inġusta” li kien għadda fil-Parlament il-Gvern ta’ Mintoff fl-1979.

Ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Good Governance u Demokrazija, Jason Azzopardi, ippreżenta fil-Parlament kopja ta’ 258 sentenza li ngħatat kontra anzjani li s-sidien tal-propjetà ta’ fejn jgħixu l-anzjani ngħataw raġun mill-Qorti kontra l-liġi inġusta li kienet għaddiet fi żmien Mintoff fl-1979.

Il-liġi approvata mill-Gvern ta’ Mintoff kienet tagħti dritt lil kull min għandu kuntratt ta’ ċens qabel l-1979, biex iċ-ċens jinqaleb f’kera, bil-konsegwenza li s-sid spiċċa bla dritt li jieħu lura l-proprjetà.

Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat li l-liġi tal-1979 tikser id-drittijiet tas-sidien tal-proprjetà
Semma kif din il-liġi kienet tressqet quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem li ddikjarat li din hi liġi li tikser id-drittijiet tas-sidien tal-proprjetà, bil-Qorti Kostituzzjonali tal-Appell tiddikjara li dawk li kienu ngħataw id-dritt bil-liġi tal-1979, mhumiex aktar protetti bis-saħħa ta’ dik il-liġi.

Jason Azzopardi, kien qiegħed jitkellem fil-Parlament fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda diversi liġijiet marbuta mar-riforma tal-ġustizzja u fil-proċedura ċivili.

258 sentenza tal-Qorti li kontra anzjani li sabu ruħhom f’din il-kontroversja
Ix-Shadow Minister spjega hekk kif ippreżenta kopja tal-258 sentenza tal-Qorti li ngħatat kontra anzjani li sabu ruħhom f’din il-kontroversja maħluqa mill-Gvern ta’ Mintoff, li din is-sitwazzjoni li sa ftit ilu kienet problema, illum saret urġenti. Semma l-aħħar każ ta’ koppja anzjana minn Ħal Tarxien li l-ġimgħa li għaddiet kienet l-aħħar vittma ta’ din is-sitwazzjoni.

Semma kif ħafna anzjani, li bil-pensjoni ma jifilħux il-piż li jikru residenza, qed twassal lil ħafna anzjani jitilfu s-saqaf ta’ fuq rashom, u jispiċċaw barra t-triq. Irrimarka li f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qrati dejjem isegwu favur is-sid tal-proprjetà għaliex qed jimxu ma’ dak li hu ġust u ma’ dak li ddikjarat ukoll il-Qorti Ewropea fuq liġi inġusta tal-1979.

Jason Azzopardi appella biex tiġi indirizzata llum qabel għada, u wiegħed l-appoġġ u l-kontribut tal-Oppożizzjoni għas-soluzzjoni ta’ din il-problema. Appella wkoll lill-Gvern li titneħħa kull politika partiġjana u jkun hemm impenn serju biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata.

X’qiegħed isir illum mill-Gvern?
Staqsa lill-Gvern x’qed isir illum mill-Gvern biex ma jibqgħux jiġu aktar fit-tmiem kuntratt ta’ ċnus li saru qabel l-1979. Semma li għaddiet sena milli l-Gvern kien beda konsultazzjoni biex jindirizza din il-kwistjoni u għadu ma sar xejn konkret. Staqsa ma’ min il-Gvern ikkonsulta, u fiex wasal l-Abbozz ta’ Liġi biex jindirizza din is-sitwazzjoni.