Lokali Parlament

Għandna nħassru żbalji storiċi fl-għoti ta’ Ġieħ ir-Repubblika

Id-dittatur tal-Korea ta’ Fuq Kim ll-Sung, id-dittatur Muammar Gaddafi u d-dittatur Tuneżin Ben Ali qatt ma messhom ingħataw ġieħ minn pajjiżna

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami appella lill-Gvern jikkunsidra emendi fl-Att dwar Ġieħ ir-Repubblika biex il-pajjiż ikun jista’ jirtira u jħassar l-għoti ta’ Ġieħ ir-Repubblika lil persuni u ismijiet kbar li l-istorja tiġġudikahom u turi li qatt ma messhom ingħataw unur bħal dan, fosthom lid-dittatur tal-Korea ta’ Fuq Kim ll-Sung, id-dittatur Muammar Gaddafi u d-dittatur Tuneżin Ben Ali.

Beppe Fenench Adami għamel mill-ġdid dan l-appell fil-Parlament lill-Gvern waqt li l-Ministru għall-Intern s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, ressaq għad-diskussjoni Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Ġieħ ir-Repubblika.

Beppe Fenech Adami staqsa jekk għandniex nemendaw il-liġi biex żbalji kollettivi li jagħmel il-pajjiż meta tajna ġieħ lil ċertu nies, dak il-ġieħ ikun jista’ jiġi rtirat. Semma li meta tara l-lista ta’ nies li ngħataw ġieħ għax għamlu unur lill-pajjiżna, hemm ismijiet kbar ta’ numru ta’ nies li hemm qbil li qatt ma messhom ingħataw dan il-ġieħ.

L-istess appell sar lill-Gvern fil-Parlament sentejn ilu
Fakkar li sentejn ilu kien ukoll appella fil-Parlament lill-Ministru ta’ dak iż-żmien Manwel Mallia, biex ikollna fakultà li nirtiraw dan il-ġieħ.

Semma li fost il-persuni li l-pajjiż għandu jirtira l-ġieħ li ħadu minn pajjiżna hemm Kim ll-sung – id-dittatur tal-Korea ta’ Fuq li llum l-istorja tiġġudikah bħala persuna li qatel il-mijuni ta’ niesu stess. Korea ta’ Fuq li sal-lum għadha tbati mit-tmexixja ta’ dan id-dittatur tal-ħadid.

Fisser li llum il-poplu jirrikonoxxi li meta fl-1985 l-pajjiż ta dan l-ogħla ġieħ lil dan id-dittatur għamel żball storiku. Beppe Fenech Adami saħaq li llum għandu jkollna l-kuraġġ ngħidu li kien żball, minkejja li meta kien ingħata l-ġieħ diġà kien wettaq ħafna atroċitajiet. Semma wkoll li iben Kim ll-sung, meta kien fuq vaganza f’Malta fil-bidu tas-snin sebgħin, kien qed jirċievi lezzjonijiet tal-Ingliż mill-Prim Ministru Mintoff, u dan skont artiklu li kien ippubblikat fl-2001 f’The Guardian. Ġieħ li ngħata wkoll fl-isfond ta’ rabtiet oħrajn bejn Malta u l-Korea ta’ Fuq dwar taħriġ lil pajjiżna fuq il-kontroll ta’ folol.

Filwaqt li saħaq li dan hu Ġieħ li qatt ma messu ngħata, Beppe Fenech Adami semma żball ieħor meta d-dittatur Libjan Muammar Gaddafi wkoll ingħata x-Xirka ta’ Ġieħ ir-Repubblika – dittaur li kkawża ħafna tbatija fuq niesu stess. Żball ieħor fl-istorja ta’ Ġieġ ir-Repubblika wkoll sar bl-unur li ngħata lil Ben Ali, id-dittatur tat-Tuneżija li tneħħa wkoll f’rivoluzzjoni biex u twieldet ir-rebbiegħ fil-pajjiżi Għarab u li wasslet għal tant bidliet drammatiċi.

L-Oppożizzjoni favur li membri tal-Protezzjoni Ċivili jkunu jistgħu jingħataw ukoll Ġieħ ir-Repubblika
Beppe Fenech Adami rrimarka wkoll li l-Oppożizzjoni taqbel mal-Abbozz ta’ Liġi ppreżentat mill-Gvern li qiegħed jinkludi lill-membri tad-Dipartiment Ċivili li jkunu jistgħu huma wkoll, flimkien mal-korpi dixixplinati l-oħrajn f’pajjiżna, li jirċievu l-unuri ta’ Ġieġ ir-Repubblika.