Lokali Parlament

Iċ-Ċentru Ċiviku tar-Rabat bla lift għal sentejn

…u issa fi stat ta’ telqa u abbandun

Wara li ċ-Ċentru Ċiviku tar-Rabat ilu bla servizz ta’ lift għal dawn l-aħħar sentejn, issa jinsab fi stat ta’ telqa u abbandun.

Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg appella fil-Parlament lill-awtoritajiet ikkonċernati, biex tittieħed azzjoni biex din il-problema tkun indirizzata, u biex iċ-Ċentru Ċiviku li minnu jingħataw ħafna servizzi lill-komunità, fosthom ukoll servizzi marbuta mal-kura tas-saħħa, ma jitħalliex f’dan l-abbandun.

Fisser li fl-aħħar senetjn, il-lift li jagħti aċċess għal ħafna funzjonijiet ta’ dan iċ-ċentru ċiviku ma kienx qiegħed jiffunzjona tajjeb.

Semma li din il-kwistjoni ilu jirriferiha lill-Gvern. Kien staqsa fil-Parlament lill-Ministru Konrad Mizzi, minħabba li kien irriżulta li l-problema f’dan il-lift kienet ġejja mill-elettriku, bil-Ministru kien wieġeb li kien qiegħed jiġi investigat meter li ġie misplaced. F’aktar mistoqsijiet li kien ressaq minħabba li s-sitwazzjoni marret għall-agħar, il-Ministru kien iwieġeb li ma kienx hemm xejn aktar xi jżid.

Antoine Borg irrimarka li quddiem din is-sitwazzjoni, il-lift mhux biss mhux jintuża, iżda spiċċa jintuża bħala latrina f’nofs pjazza mill-isbaħ, u issa qed jitħalla fi stat ta’ telqa u abbandun.

Semma wkoll problema oħra għall-komunità tar-Rabat u għal min juża t-toroq li jagħtu minn Ħaż-Żebbuġ għar-Rabat. Id-Deputat Nazzjonalista qal li wara li ġiet solvuta l-kwistjoni dwar min għandu jagħmel ix-xogħlijiet marbuta ma’ Triq Ħaż-Żebbuġ, li issa ġie deċiż li hu l-Gvern li għandu jidħol għax-xogħol meħtieġ, ix-xogħol minkejja li nbeda ilu ħafna wieqaf għad-detriment ta’ ħafna bdiewa u nies li jużaw din it-triq.