Lokali

“Il-Knisja qed tgħin lill-bnedmin jiltaqgħu ma’ Ġesu, u Ġesu jilqa’ l-kulħadd” – l-Isqof Grech

L-Eċċelenza Mons. Grech waqt Newsfeed qal li t-tlett ġimgħat tas-sinodu kienu ġimgħat impenjattivi ferm, kemm għalih u kif ukoll għall-Knisja. Huwa qal li esperjenza l-Knisja fid-diversita’ tagħha, għax il-Knisja hija mxerrda fil-pajjiżi kollha tad-dinja, b’kulturi diversi pero r-reliġjon Nisrani huwa dak li jgħaqqadhom.

Tul l-intervent tiegħu l-Isqof t’Għawdex qal li l-Knisja f’Malta trid taħdem aħjar fil-qasam tal-komunikazzjoni u tuża lingwaġġ li jiftiehem. “Il-Knisja għandha bżonn li ssib lingwaġġ li jiftiehem minn kulħadd u b’hekk il-messaġġ jasal bl-aktar mod faċli għand kulħadd”. Huwa qal li l-Knisja f’Malta għamlet bosta sforzi pero dan ma rnexxiex mija fil-mija u l-knisja għandha titratta bosta kunċetti tqal u tesprimihom b’mod faċli li jqanqal interess fil-fidi tagħhom. Il-Knisja ma tridx tibqa’ tiġi ddeskritha l-bogħod minn nies minħabba l-lingwaġġ tagħha.

“Jien ma ġejtx minn Ruma iżda minn Kana”, l-Isqof qal dan minħabba li din is-silta fil-Bibbja għandha x’taqsam maż-żwieġ u l-familji. Huwa spjega dan billi qal li nistgħu nużaw l-inbid bħala l-esperjenza tal-koppji tal-lum, li bħal ta’ Kana l-koppji tul ħajjithom se jixorbu inbid li jkun qares u kif ukoll inbid li jkun tajjeb ħafna.

Mistoqsi dwar dak li ġie diskuss fis-Sinodu rigward il-koppji ddivorzjati huwa qal li xorta waħda kull storja trid tiġi meħudha b’mod individwali; “każ, b’każ”. Huwa qal li hu aspett pożittiv li minkejja li l-koppji ddivorzjati għaddew milli għaddew xorta waħda għandhom ix-xewqa tal-imħabba t’Alla.

L-Isqof Grech ġie wkoll mistoqsi dwar x’inhi l-Knisja, huwa wieġeb li l-knisja hija l-bod ħafna minn komunita’ tal-perfetti, hu jiddiskerivi l-Knisja bħala komunita’ ta’ bnedmin li kuljum qed jitjiebu. “M’għandniex għalfejn nistagħġbu jekk persuna għamlet żball u nidmet.”

Is-sinodu għadu ma kkonkluda xejn iżda fih ġie diskuss li l-qassisin irridu jgħinu l-persuni li jitolbu l-għajnuna fid-dixxerniment, iġifieri jgħinuhom jirrispondu għal Alla. Is-Sinodu qed jissuġerixxi li dawk il-persuni ddivorzjati jsibu saċerdot li jgħinhom jaraw lilhom infushom quddiem Alla.

Huwa qal li l-persuna trid tiddeċiedi hi, fil-kuxjenza rispettiva tagħha fuq x’għandha tagħmel.

Mistoqsi rigward il-persuni omosesswali l-Isqof t’Għawdex qal li ma kienitx tant diskussa tul is-sinodu, madankollu d-dokument finali li ġie approvat mill-Isqfijiet jitkellem dwar il-ħnina t’Alla. “Il-familji li ghandhom fi ħdanhom persuni omosesswali, għandhom jigu mħarsa fid-dinjita’ tagħhom. Atteġjament li kull nisrani għandu jgħix bih”

L-Eċċelenza Mons. Grech tul l-intervent tiegħu ddeskriva l-knisja b’dan il-kliem; “Il-Knisja qed tgħin lill-bnedmin jiltaqgħu ma’ Ġesu, u Ġesu jilqa’ l-kulħadd”.

L-Isqof Mario Grech lejn tmiem l-intervent tiegħu ddeskriva l-Papa Franġisku bħala bniedem li ltaqa’ ma’ Kristu. “L-għerq ta’ ħidmietu ġejja mix-xbieha ta’ Ġesu Kristu”. Huwa qal li l-bniedem b’xi mod jew ieħor dejjem jarah bil-kilba li jipprova jersaq viċin Alla.