It-talbiet għal-LSA splodew b’erba’ darbiet u mhux veru dak li qal il-Ministru Bartolo li Bord minn tnejn li kienu jeżaminaw it-talbiet għal-LSA twaqqaf qabel l-elezzjoni
Il-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika mhux biss għall-mod kif żdiedet b’erba’ darbiet il-lista tat-tfal li qed jistennew li t-talba tagħhom għal-LSA tiġi eżaminata u llum tlaħħaq għal 800 talba, iżda wkoll għall-mod li bih il-Ministru Bartolo ma qalx il-verità. Mhux veru li bord minn tnejn li kienu mwaqqfa biex jeżaminaw it-talbiet tal-ġenituri ta’ dawn it-tfal ġie xolt qabel l-aħħar elezzjoni, f’Diċembru tal-2012.
Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino fil-Parlament poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aġenda tat-Tieni Statementing Board li ltaqa’ fis-27 ta’ Frar 2013. Dan juri, saħaq George Pullicino, li mhux veru dak li qal il-Ministru Evarist Bartolo li dan il-Bord ġie xolt f’Dicembru 2012. L-iStatementing Board huwa l-Bord li jeżamina t-talbiet biex it-tfal jingħataw is-servizz tal-Learning Support Assistant (LSA).
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li l-lista li hemm illum ta’ talbiet ta’ ġenituri li qed jitolbu l-għajnuna ta’ LSA, hi biss riżultat ta’ deċiżjoni żbaljata li ħalliet effett fuq it-t-fal li għadhom jistennew risposta għat-talba tagħhom dwar għajnuna ta’ LSA.
George Pullicino rrimarka li din is-sitwazzjoni ġaba dan il-Gvern għaliex sa qabel l-elezzjoni kien hemm żewġ bordijiet li kienu qed jeżaminaw dawn it-talbiet. Il-waiting list hi riżultat ta’ dan il-Gvern li naqqas il-bordijiet għal wieħed.
Irrifera għal stqarrija li ħareġ il-Ministru Bartolo li fiha qal li t-tieni Bord laqnas biss baqa’ sal-elezzjoni għaliex ġie xolt f’Diċembru tal-2012. George Pullicino spjega li fl-amministrazzjoni preċedenti, meta l-Ministru Dolores Crisitina rat il-lista tiżdied fl-2011, kienet ħatret it-tieni bord. Ippreżenta fil-Parlament kopja ta’ aġenda li turi li t-tieni bord iltaqa’ fi Frar 2013 u għaldaqstant mhux veru li twaqqaf il-bord.
Fakkar li l-prattika kienet li l-każijiet urġenti kienu jiġu eżaminati biex it-tfal jingħataw l-għajnuna fil-ħin meħtieġ, u qabel ma tibda s-sena skolastika. Spjega wkoll li l-każi ta’ talbiet li ma kinux ta’ prijorità kienu qed jiżdiedu, u li kien għalhekk li ħatret it-tieni bord biex jindirizza dawn il-każijiet mhux urġenti.
Sa Ottubru 2012 il-lista ta’ stennija kienet niżlet għal 215
Mhu veru xejn lanqas dak li qal il-Ministru Bartolo fi stqarrija, li l-lista ta’ stennija kienet telgħet għal 1,173. Dan joħroġ ukoll minn tweġibiet għal mistoqsijiet li kien ressaq Evarist Bartolo stess lill-Ministru Cristina meta kien fl-Oppożizzjoni.
Semma li fit-2 ta’ Lulju tal-2012, il-Ministru Cristina kienet qalet li sal-aħħar ta’ Mejju 2012, kien hemm 443 każ pendneti quddiem il-Bord. Fil-31 ta’ Ottubru tal-2012, għal mistoqsija oħra kien intqal mill-Ministru Cristina li fuq il-lista ta’ stennija fadal 215.
Sal-elezzjoni t-talbiet pendenti ġew kważi minimi
George Pullicino saħaq li filwaqt li sal-aħħar elezzjoni ż-żewġ bordijiet baqgħu jiltaqgħu u baqgħu jonqsu u kważi ġew minimi, minn meta laħaq il-Ministru Bartolo u żamm bord wieħed minn tnejn, il-lista telgħet għal 800.
Id-Deputat Nazzjonalista sejjaħ bħala żball tal-Ministru li ħaseb li t-tieni bord inħatar għall-konvenjenza politika u mhux għall-konvenjenza tat-tfal. Sejjaħ dan bħala ħsieb fqir politiku tal-Minsitru li rraġuna b’dan il-mod. Filwaqt li fakkar li mill-Oppożizzjoni, dak li llum hu Ministru tal-Edukazzjoni kien qal li t-tfal ma jistgħux jistennew meta l-lista kienet anqas minn 200, George Pullicino staqsa jekk it-tfal jistgħux jistennew meta l-lista hi erba’ darbiet aktar.
Bżonn li jerġa’ jinħatar it-tieni bord tal-istatementing
Appella lill-Ministru Bartolo jaħtar mill-ġdid it-tieni bord tal-istatementing u jżommu kif kien sa qabel l-aħħar elezzjoni biex il-bżonnijiet tat-tfal u l-ġenituri tagħhom ikunu indirizzati.