Il-Partit Nazzjonalista qed jisfida lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jgħid min, meta u fejn, qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, saret il-wegħda ma’ Gaffarena biex malli l-Partit Laburista jieħu l-poter f’idejh, jinħareġ il-permess għall-pompa illegali tal-petrol f’Ħal Qormi.
Din l-isfida saret mill-Membru Parlamentari Ewropew u Shadow Minister għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Berġa ta’ Kastilja fil-Belt. Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Ryan Callus u mill-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Mark Anthony Sammut.
Therese Comodini Cachia qalet li issa, aktar minn qatt qabel, hu ċar li Muscat hu ostaġġ ta’ Gaffarena, kif ilu ostaġġ minn qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, meta ġie mwiegħed il-permess tal-pompa illegali tal-petrol. Hi appellat lill-Prim Ministru biex ma jibqax iwebbes rasu u jistaħba wara r-relazzjoni tiegħu ma’ Gaffarena.
Min-naħa tiegħu, Ryan Callus qal li l-Prim Ministru ma baqalu l-ebda triq oħra ħlief li jkeċċi lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon minħabba l-involviment dirett tiegħu fl-Iskandlu ta’ Gaffarena. Fakkar li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil diġà sostna li jekk verament irid politika nadifa u onesta, Muscat hu għandu jkeċċi lil Falzon, iwaqqaf il-pompa tal-petrol illegali ta’ Gaffarena u jreġġa’ lura d-deals illegali ta’ Strada Żekka.
U Mark Anthony Sammut qal li aktar ma jgħaddu l-jiem, aktar qed toħroġ ċara d-differenza bejn iż-żewġ mexxejja politiċi ta’ pajjiżna: filwaqt li quddiem skandli ċari b’riħa ta’ korruzzjoni, Muscat jibqa’ jwebbes rasu u ma jieħux deċiżjoni, Simon Busuttil qed iwettaq politika onesta u nadifa.
//= $special ?>