Lokali

Filmat: Il-PN qed jagħti l-eżempju

L-Istandards tal-imġieba fil-ħajja pubblika qed tagħmilhom l-Oppozizzjoni u mhux il-Gvern. Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil waqt il-programm Dissett l-Erbgħa filgħaxija fuq l-istazzjon nazzjonali.

Meta kien qed iwieġeb dwar ir-riżenja tad-Deputat Joe Cassar, Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista bagħat messaġġ ċar li fit-tema tal-onesta’ il-partit jaġixxi bil-fatti u mhux bil-paroli.

Hu staqsa x’se jagħmel il-Prim Ministru Joseph Muscat dwar is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon fuq l-iskandlu Gaffarena. Simon Busuttil qal li Muscat ma jistax ineħħi lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon għaliex il-Ministru ta’ fuqu hu l-Prim Ministru stess. Barraminhekk, il-Kap tal-PN staqsa jekk il-Prim Ministru intrabatx b’xi obbligazzjoni ma’ Gaffarena

Mistoqsi dwar il-power station u l-elettriku, Simon Busuttil tenna mill-ġdid il-wegħda li jixtri l-elettriku minn fejn ikun l-orħos. Meta mistoqsi jekk jistax jagħmilha legalment, it-tweġiba ta’ dan tingħata meta Joseph Muscat jippubblika l-kuntratt.

Dwar l-iskandlu tal-visa lill-Alġerini, il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa xi jfisser il-fatt li biex imorru Franza, l-Alġerini mhux qed japplikaw għal visa minn Franza iżda qed japplikaw għal visa minn Malta.

Minbarra l-iskandlu tal-visa, hemm ukoll l-iskandlu tal-permessi ta’ residenza u Identity Malta – ħlejqa tal-Gvern Laburista – tinsab mifnija b’dawn l-iskandli. Simon Busuttil staqsa fejn hi r-responsabbilta’ politika u għaliex iċ-Chairman ta’ Identity Malta, il-kandidat Laburista Joe Vella Bonnici, ma rriżenjax mill-kariga.

L-Ambjent kien ukoll suġġett ieħor li kien trattat waqt il-programm. Il-Kap tal-PN qal li fil-ġimgħat li ġejjin se titlaqqa’ konvenzjoni tal-PN li se tagħti bidu għal proċess biex tkun aġġornata l-politika ambjentali tal-PN.

Dwar il-proposta tal-Gvern li jneħħi l-vilifikazzjoni tar-reliġjon minn reat kriminali, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li din tista’ toħloq problemi ta’ sigurta’. Hu appella li t-tibdil fil-liġi jkun b’tali mod li jagħti l-istess protezzjoni lir-reliġjonijiet kollha.

Dwar id-deċizjoni li titħassar l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fl-2017, Simon Busuttil qal li għall-ewwel darba tkisser il-kunsens bejn iż-żewġ partiti ewlenin f’materja sensittiva bħalma huma l-elezzjonijiet. Anki fl-iktar żminijiet ta’ tensjoni fis-snin 80, kien hemm kunsens dwar l-elezzjonijiet.