Formula 1 Sport

Ir-Red Bull f’riskju li jitilfu l-ewwel provi tal-istaġun

Il-Kap tar-Red Bull Christian Horner żvela li t-tim jista’ jitlef it-testijiet tal-pre-season għall-istaġun li ġej jekk fi żmien ġimgħatejn ma jkunux iffirmaw kuntratt ma’ xi kumpanija li tkun se tipprovdilhom il-magni. Dan hu l-aħħar staġun li r-Red Bull se jkunu qed jużaw magni Renault wara li r-relazzjoni bejn dawn it-tnejn marret għall-agħar u fil-ġimgħat li għaddew il-Mercedes u l-Ferrari diġa’ rrifjutaw li jipprovdu lil dan it-tim bil-magni.

Ta min jiftakar li l-istess Red Bull kienu heddew li jekk fl-istaġun li ġej ma jkollhomx karozza kompetittiva dawn jistgħu jirtiraw mill-isport u pront kienet waslet ir-reazzjoni tal-Kap tal-F1 Bernie Ecclestone li kien qal li jekk dan iseħħ jittieħdu passi legali fil-konfront tagħhom. L-istess Ecclestone kien qal li tkun idea tajba jekk jibda jkun hemm kumpanija privata li tissupplixi l-magni.