Wara li l-Isptar Boffa fejn kienet tingħata l-kura għall-mard tal-kanċer kien trasferit lejn l-isptar ġdid state-of-the-art qrib Mater Dei bi pjan ta’ investiment li kien ippjanat mill-amministrazzjoni Nazzjonalista, il-Gvern illum se jkun qiegħed jerġa’ juża l-Isptar Boffa għall-pazjenti b’kura fit-tul.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Isptar Boffa fil-Furjana se jerġa’ jilqa’ l-pazjenti, meta fil-Parlament kien mitlub jispjega mix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici, ċirkulari maħruġa mill-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa fit-2 ta’ Novembru, lill-infermiera biex japplikaw għal Long Term Care fl-Isptar Boffa.
Chris Fearne rrimarka li bħalissa għaddejjin diversi xogħlijiet fil-binja tal-Isptar Boffa li sal-aħħar tax-xahar se jibda jilqa’ fih 30 pazjent u aktar tard jilqa’ 20 oħra biex dan l-isptar, li l-pjan kien li ma jibqax jintuża bħala sptar, jerġa’ jibda jintuża bħala sptar għall-kura fit-tul.
Dwar din id-deċiżjoni tal-Gvern li jerġa’ jibda juża l-Isptar Boffa, id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea rrimarka li l-esperjenza tal-amministrazzjoni preċedenti kienet turi b’mod ċar li aktar ma jiżdiedu s-sodod għal kura fit-tul, aktar tikber id-domanda.
Mario Galea qal li l-amministrazzjoni Nazzjonalista kienet iżżid 200 sodda fis-sena għall-kura fit-tul bid-domanda kienet tibqa’ tiżdied u mhux tonqos. Staqsa jekk jaħsibx jekk anzjani li jidħlu f’Mater Dei għandhomx ikollhom servizz ukoll ta’ għajnuna minn carers u infermiera fid-djar kuljum, u jekk ikun hemm bżonn aktar minn darba. Dan biex l-anzjani jingħataw kura fid-djar u ma jinżammux Mater Dei għal ħafna żmien.
Is-Segertarju Parlamentari Chris Fearne wieġeb li l-miżura tal-baġit li jħallas nofs il-paga minima ta’ carer mal-anzjani, hi mmirata biex tingħata għajnuna fid-djar. Is-Segretarju Parlamentari qal li din l-iskema se tkun suċċess.
Dwar il-proġett pilota li se jibda fir-Rabat u f’Raħal Ġdid, is-Segretarju Parlamentari qal li minn nhar it-Tnejn li ġej anzjani ta’ 70 sena jew aktar jistgħu jirreġistraw fl-Ispiżerija tal-Għażla Tagħhom jekk iridu jirċievu l-mediċini d-dar. Għal dan, qal Chris Fearne, il-Gvern mhux se jħallas aktar fi spejjeż.
//= $special ?>