Internazzjonali

Jirriżenja l-Prim Ministru Rumen

Viktor Ponta, il-Prim Ministru Rumen, irriżenja mill-kariga b’reazzjoni għat-traġedja ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet fejn 32 persuna tilfu ħajjiethom f’diskoteka fil-kapitali Bucharest.
Traġedja li ħafna nies fil-pajjiż qed isostnu kienet tort tal-Gvern imexxi minn Ponta minħabba l-korruzzjoni li hemm fit-tmexxija tal-pajjiż u l-ineffiċenża li din ġabet magħha. Ineffiċenża qed isostnu l-kritiċi li wasslet biex ma jkunux osservati ħafna liġijiet fosthom dawk tas-siġurta fil-post tax-xogħol. Ir-raġuni tat-traġedja kienet logħob tan-nar li nxtegħel fid-diskoteka waqt kunċert li kien hemm.
Ponta diġa kien taħt ħafna pressjoni biex jirriżenja wara li kien implikat fi skandlu ta’ korruzzjoni.
Ponta rriżenja wara li eluf ta’ nies ħonqu t-toroq ta’ Bucharest it-Tlieta filgħaxija biex jitolbu r-riżenja tiegħu u tal-Kabinett li jmexxi.
Liviu Dragnea, il-kap tal-Partit Soċjal-Demokratiku ta’ Ponta, qal li hu kien irriżenja għaliex kien hemm bżonn li xi ħadd jassumi r-responsabbilta ta’ dak li ġara.
Ir-riżenja ta’ Ponta seħħet ukoll hekk kif irriżenja Cristian Popescu Piedone, is-Sindku ta’ Bucharest wara li safa’ mira ta’kritika kbira talli ħalla li topera d-diskoteka meta ma kelliex il-permessi meħtieġa.