Lokali Qorti

Libjan jirreġistra l-kumpanija fi tlett ijiem biex jakkwista Permess ta’ Residenza

Libjan li uża s-servizzi tal-eks Teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut (ritratt) biex jikseb Permess ta’ Residenza b’reġistrazzjoni illegali ta’ kumpanija f’pajjiżna dam jistenna biss tlett ijiem biex issirlu r-reġistrazzjoni. Aktar minhekk, dan lanqas biss jaf jitkellem bl-Ingliż, minkejja li din hi xi ħaġa mitluba fil-proċess ta’ reġistrazzjoni.

Żvela dan l-Ispettur Frank Sammut, mid-Dipartiment tal-Immigrazzjoni, meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra l-eks Teżorier tal-Partit Laburista. Quddiem il-Maġistrat Doeen Clarke, l-Ispettur Sammut qal li meta l-Libjan mar għandu biex jiġbor il-Permess ta’ Residenza, kellu jissejjaħ interpretu għax qallu li mhux kapaċi jitkellem bl-Ingliż.

Ix-xhud kompla jispjega li mistoqsi dwar il-kumpanija li suppost irreġistra, il-Libjan ma kien jaf xejn, saħansitra lanqas kemm-il sehem għandu fiha. Il-Libjan, li f’dawn ix-xhur kien ġie deportat mill-pajjiż, kien qallu wkoll li għar-reġistrazzjoni tal-kumpanija kien kellem lil persuna oħra li kienet f’kuntatt ma’ Joe Sammut.

Minbarra dawn ir-rivelazzjonijiet kollha, fil-Qorti l-Ispettur Sammut qal li kienu xi impjegati minn Identity Malta li ġibdulu l-attenzjoni dwar xi irregolaritajiet li kienu qed iseħħu fil-ħruġ ta’ Permessi ta’ Residenza lil numru ta’ Libjani.

L-eks Teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut, li għandu 58 sena, qed ikun akkużat li għen lil-Libjani jiksbu l-Permessi ta’ Residenza billi jirreġistraw kumpaniji f’pajjiżna b’użu ta’ dokumenti foloz u bi frodi. Qed ikun akkużat ukoll b’miżappropjazzjoni u nuqqas ta’ due diligence, minkejja li din hi mitluba fil-kapaċitajiet professjonali tiegħu.