Qed jingħad li l-aktar oġġett li jiswa flus fuq il-programm Antiques Roadshow tal-BBC 1 hi replika tal-FA Cup – it-trofew ta’ waħda mill-aktar kompetizzjonijiet prestiġjużi fil-futbol Britanniku – li tiswa aktar minn miljun Lira Sterlina.
L-eks plejer ta’ Leeds United Eddie Gray u l-preżentatriċi tat-televiżjoni Gabby Logan kienu ppreżentaw ir-replika tat-trofew għall-evalwazzjoni waqt il-ġbid tal-programm fir-Royal Hall ta’ Harrogate. Iżda wħud fost il-pubbliku preżenti akkużaw lill-BBC li kien qed ‘iqarraq’ bin-nies bl-iskop li jkabbar il-profil tiegħu.
Huma qalu wkoll li ‘l-ingaġġ’ ta’ Eddie Gray u Gabby Logan biex jidhru ma’ oġġett daqstant prestiġjuż imur kontra l-ispirtu tal-programm li dejjem iffoka fuq il-pubbliku.
Kelliema għall-BBC qalu, sadanittant, li l-oġġett inkwistjoni kien fil-pussess ta’ ‘istituzzjoni sportiva’.
Ir-replika tat-trofew oriġinali li kien introdott għall-ewwel darba fl-1871 kien ippreżentat lil Eddie Gray u l-plejers ta’ Leeds meta huma rebħu lil Arsenal fil-finali tal-FA Cup fl-1972 u jaħsbu li hi proprjetà tal-klabb. Mifhum li din ir-replika proprja ttieħdet fuq ir-Roadshow u hawnhekk tispikka polemika partikolari…
Dan wara li raġel preżenti fir-Royal Hall ta’ Harrogate akkuża lil Gray u Logan ‘talli serqu x-xena’ u sostna li l-eks plejer ma kellux postu fuq l-Antiques Roadshow. Dan ir-raġel aċċenna wkoll għall-kumment li l-organizzaturi ‘skoprew’ it-trofew ta’ importanza kbira storika u li ‘dan ma jistax ikun għaliex kulħadd jaf il-lokalità tar-replika’.
L-ewwel trofew tal-FA Cup inħadem għal 20 lira Sterlina fl-1871 iżda spiċċa misruq, imdewweb u użat għall-produzzjoni ta’ muniti foloz.
It-tieni trofew – replika tal-ewwel wieħed – inbiegħ, fl-2005, għal 420,000 Sterlina waqt irkant u jinsab esebit fin-National Football Museum ta’ Manchester.
L-FA Ingliża introduċiet trofew akbar fl-1911 u li mifhum bħala t-trofew li kien ippreżentat lil Leeds United fl-1972. Għakemm it-trofew għadu jeżisti dan spiċċa f’kundizzjoni wisq fraġli biex jintuża.
Filwaqt li nħadmet replika ta’ din it-tazza fl-1992, din tintuża biss jekk it-trofew attwali jintilef, iġarrab ħsara jew jinqered.
//= $special ?>