Bħalissa, fuq l-Internet, qed jiċċirkola ritratt ta’ tfajla Tajlandiża li għadha kemm rebħet konkors tas-sbuħija u li rritornat fil-villaġġ fejn trabbiet ( li ma jissemmiex b’ismu) biex ‘tirringrazzja lill-ommha bl-umiltà kollha u kif inhu xieraq’.
Khanittha ‘Mint’ Phasaeng, li rebħet it-titlu Miss Uncesored News Thailand 2015, tidher (fir-ritratt) għar-rkubbtejha quddiem ommha waqt li liebsa l-kuruna u s-sash li ngħatat mill-organizzaturi tal-konkors.
Fl-isfond tar-ritratt jidhru diversi laned għall-iskart u dan hu partikolarment sinifikanti għaliex l-omm inkwistjoni – li rabbiet lil Khanittha waħedha – taqla’ x’tiekol b’li tiġbor u tirriċikla l-iskart fit-Tajlandja.
Ir-ritratt f’The People’s Daily Online jixhed l-apprezzament ta’ tfajla għal ommha meta, għat-Tajlandiżi, l-aqwa espressjoni ta’ rispett hu b’li tpoġġi għar-rkubbtejk quddiem persuna, irrispettivament mis-sitwazzjoni.
Din ir-Reġina tas-Sbuħija qatt ma ħasbitha darbtejn biex tqim lill-ommha b’dan il-mod għal dak kollu li hi għamlet magħha u ssostni li ‘tibqa’ tafulha għal dak kollu li kisbet f’ħajjitha’. Khanittha tgħid li ‘hi u ommha huma ħaddiema ġenwini u onesti u, għaldaqstant, ma teżistix raġuni għalfejn huma għandhom iħossuhom inferjuri għal xi ħadd’.
//= $special ?>