Esperti barranin se jiġu Malta biex jgħinu f’taħriġ speċjalizzat lill-ħaddiema u uffiċċjali tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali. Dan it-taħriġ se jingħata bħala parti minn proġett iffinanzjat minn fondi Ewropej taħt il-Fond Soċjali Ewropew, bl-isem ta’ ‘Training and Development for the Animal Welfare Directorate’.
It-taħriġ se jiġi estiż ukoll għal entitajiet li jassistu lid-dipartiment f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ, fosthom il-Protezzjoni Ċivili u membri tal-ALE fi ħdan il-korp tal-Pulizija.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes qal li jifhem l-importanza li wieħed jinvesti fir-riżors uman u b’hekk hu fiduċjuż li permezz ta’ dan it-taħriġ lill-uffiċċjali tal-Animal Welfare, ħa jkompli jitjieb l-operat tad-direttorat tal-ħarsien tal-annimali.
Wara ħames t’ijiem ta’ taħriġ, il-proġett se jiġi fi tmiemu b’konferenza nazzjonali dwar il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna, li għaliha se jkunu mistiednin l-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu f’dan is-settur.
Il-proġett jinkludi wkoll kampanja ta’ informazzjoni fuq skala nazzjonali biex jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet tal-annimali, u se tkun mifruxa fi skejjel u kunsilli lokali f’Malta u Għawdex. Il-valur tal-proġett iffinanzjat mill-fondi Ewropej ilaħħaq it-€22,000.
Matul din is-sena, id-direttorat diġà rċieva madwar 5,000 talba għall-għajnuna mill-ambulanza tal-emerġenza, filwaqt li twettqu madwar 1,000 spezzjoni fuq allegati każi ta’ moħqrija.
//= $special ?>

