Lokali

Tikber il-pressjoni fuq Michael Falzon

Qed tikber il-pressjoni fuq is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon sabiex jerfa’ ir-responsabbilta’ politika wara l-iskandlu ta’ Strada Zekka u r-rabtiet ma’ Gaffarena – pressjoni sabiex Falzon jimxi b’irġulija u jagħmel l-istess bħall-eks deputat Nazzjonalista Joe Cassar.

Il-ġurnal Malta Today jgħid li r-riżenja ta’ Cassar tfisser bidla għax-xenarju politiku Malti għaliex rajna deputat li kien kapaċi jimxi b’responsabbilta’, inkluż lejn il-votanti li eleġġewh. L-editorjal ta’ dan il-ġurnal jgħid illi Joe Cassar ma ħarisx lejn l-interess personali tiegħu. U jinsisti li issa ħadd ma jista’ jikkritika lill-Kap tal-Oppożizzjoni b’double standards.

Il-Malta Today tinsisti illi kienet l-Oppożizzjoni, u mhux il-Gvern, li sarrfet il-kunċett ta’ accountability fil-prattika.

Issa, l-attenzzjoni ta’ kulħadd qed iddur fuq Michael Falzon; is-Segretarju Parlamentari li hu stess ammetta li kellu rabtiet mill-qrib mal-familja Gaffarena. U huwa għalhekk li l-poplu jistenna azzjoni immedjata mill-Prim Ministru fil-konfront ta’ Michael Falzon, itemm jgħid l-editorjal tal-Malta Today.

Anke l-editorjal tal-Independent jgħid illi hemm nies fil-Gvern li issemmew f’diversi skandli u li s’issa ma jidhirx li għandhom intenzjoni jimxu bl-istess mod bħal Joe Cassar. L-editur tat-Times minn naħa tiegħu qed jgħid illi t-tmexxija tal-Lejber qed timxi bil-kontra tal-gvernar għaqli li wiegħed Muscat qabel l-elezzjoni.

(Karikatura: maltatoday)