Lokali

Filmat: Toroq fil-Birgu ilhom xhur maqlugħa – oħra ssir fit-3am għax ġejja r-Reġina

Ġrieden u wirdien jiġru fit-triq saru l-ordni tal-ġurnata fi triq li l-uniku intervent reali li sar minn dakinhar kien ftit xhur qabel il-festa fil-Birgu, fejn gandott li kien hemm ingħalaq, iżda jrid jerġa’ jinfetaħ mill-ġdid biex jgħaddu s-servizzi.

Ir-residenti minn jeddhom spiċċaw isoddu l-katusi bil-biċċiet tal-ġebel biex jippruvaw iwaqqfu l-ġrieden milli joħorġu fit-triq.

Barra minn hekk ir-residenti ta’ Triq l-10 t’Awwissu jridu jinżlu fuq blokok tal-bricks, biex jaċċess din it-triq għaliex bħala parti mill-proġett inqalgħet ukoll il-parti ta’ quddiem substation tal-Enemalta.

Imma minkejja dawn ix-xogħlijiet ta’ kafkaf, li saru biss b’mod temporanju, mhux biss ġew injorati ir-residenti, talli l-Gvern, b’mod speċjali l-Ministru Joe Mizzi issa qed jinjora anke’ lis-Sindku tiegħu stess, John Boxall.

Ittra li dan bagħat lill-Ministru Joe Mizzi baqgħet injorata, ħaddiema f’din it-triq ilhom żmien ma jidhru u s-Sindku kien sfurzat jerġa’ jibgħat ittra oħra nhar is-27 t’ottubru.

Ittra

Għall-kuntrarju, matul il-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis saret Triq Xatt ir-Risq, minn fejn se tgħaddi r-Reġina waqt iż-żjara tagħha f’Malta. Triq li saret filgħaxija, sat-tlieta ta’ filgħodu, b’inġenji storbjużi li wasslu għal kummenti ta’ rabja kbira mir-residenti li ma setgħux jorqdu.

Residenti tal-Isla saħansitra kitbu fuq Facebook li setgħu jisimgħu l-istorbju mid-dar tagħhom stess.