Il-poplu hu s-sid tal-informazzjoni pubblika u l-Eżekuttiv, jiġifieri il-Gvern, jamministra l-informazzjoni iżda għandu jwieġeb dejjem lill-poplu. Sostna dan l-Ombudsman, il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino, meta fetaħ konferenza li trattat il-verità, it-trasparenza, il-kontabbiltà u d-dmir tal-Istat li jinforma lill-pubbliku.
Is-seminar kien organizzat bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed ifakkru l-20 anniversarju mit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Ombudsman f’Malta. It-tixrid u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni hu suġġett jaħraq f’Malta għax amministrazzjonijiet isibuha tqila biex joħorġu l-informazzjoni.
L-Ombudsman tenna li l-fatt li l-informazzjoni tinżamm mid-dominju pubbliku għandha tkun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola.
Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia qal li d-dmir tal-Istat biex jinforma tfisser ċaqlieq u żvilupp mid-dritt tal-informazzjoni taċ-ċittadin. Sostna li jemmen li hemm bżonn dibattitu urġenti dwar din il-materja għax hi waħda ta’ importanza vitali għall-ambjent demokratiku tal-pajjiż, iżda wkoll biex jiġi żgurat li jkun hemm amministrazzjoni trasparenti u accountable.
Fil-konferenza tkellem ukoll l-Imħallef Giovanni Bonello, li qal li l-libertà tal-espressjoni taħt il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tinkludi wkoll id-dritt tal-informazzjoni. Id-dritt tal-informazzjoni hu maqsum fid-dritt ta’ min irid jinforma u d-dritt li tirċievi informazzjoni.
Il-Qorti Ewropea ta’ Strasburgu tqis il-libertà tal-informazzjoni bħala dritt kważi assolut. Mill-ħafna każi li dehru quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, huma ftit dawk li fihom iġġustifikat lill-Istat biex ma jagħtix informazzjoni. Dawn huma każi ġenwini ta’ sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika, l-ordni pubbliku u kriminalità, saħħa, protezzjoni tas-saħħa u moralità, kif ukoll iż-żamma tal-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura.
L-Imħallef Giovanni Bonello qal li kull materja ta’ informazzjoni li ma tmissx ma’ dawn ir-restrizzjonijiet leġittimi, il-pubbliku għandu d-dritt li jkun informat dwarha.
Tkellem ukoll il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data Saviour Cachia, li tkellem dwar il-bidla fil-kultura fi ħdan l-awtoritajiet pubbliċi. Tenna li l-pubbliku mhux informat biżżejjed dwar id-drittijiet li ngħataw lilu taħt il-Liġi dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, li daħlet fis-seħħ fi stadji differenti mill-2008.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu wkoll il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Carm Mifsud Bonnici.
//= $special ?>