Il-Ħamis filgħaxija, waqt il-Fiera tal-ktieb li qed issir fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi, kien inawgurat il-ktieb ġdid ta’ Martin Bugelli, li jġib l-isem ta’ “Iż-Żejt f’Qiegħ l-Ilma.”
Il-ktieb kien deskritt mill-President Emeritus u eks Ministru Nazzjonalista ugo Mifsud Bonnici bħala rumanz storiku li jirrakkonta l-memorji tal-awtur f’Bormla u bnadi oħra.
F’diskors tal-okkażjoni Mifsud Bonnici ġab memorji taż-żmien l-imgħoddi għal pajjiżna, snin li għex meta Malta kellha preżenza qawwija tal-Ingliżi, kienet dipendenti mis-servizzi tal-Ingliżi u kienet għaddejja minn tranżizzjoni ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
“Kien żmien fejn Malta kienet dipendenti ħafna fuq is-servizzi tal-Knisja, meta l-Konservatorju ta’ Bormla kien mimli refuġjati tal-gwerra,” spjega Mifsud Bonnici, li qal li dawn ir-realtajiet tas-soċjeta’ Maltija huma kollha riflessi f’din il-pubblikazzjoni.
Filwaqt li dar lejn Martin Bugelli, Mifsud Bonnici fisser dan il-ktieb b’mod simboliku bħala r-raba’ tifel tal-awtur.
Minn naħa tiegħu l-Maġistrat Joe Mifsud tkellem dwar l-awtur, Martin Bugelli u fakakr kif matul il-karriera tiegħu qeda diversi rwoli imma fuq kollox qala’ tifħir internazzjonali għall-ħidma tiegħu.
Fost l-oħrajn mid-Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Vatikan, Federico Lombardi, li wara ż-żjara tal-Papa Benedittu 16 f’Malta kien qal li l-ħidma ta’ komunikazzjoni għal din iż-żjara, taħt it-tmexxija ta’ Bugelli, kienet l-aqwa li qatt ra.
Il-Maġistrat Mifsud faħħar lil Bugelli anke’ għall-ħidma tiegħu bħala Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta fejn skont hu rnexxielu jqarreb lill-Unjoni Ewropea lejn Malta.
Fuq kollox fisser dan il-ktieb, ippublikat minn Kite Group, bħala pubblikazzjoni li tpoġġina wiċċ imb’wiċċ mat-tradizzjonijiet Maltin li wħud minnhom qed jintilfu.
//= $special ?>