Membri ta’ Klabbs għas-Sidien tal-Klieb fil-belt Ċiniża ta’ Jiyuan qegħdin iġelldu l-annimali tagħhom ma’ xulxin f’kompetizzjoni mill-aktar barbara u bħala ‘divertiment għall-pubbliku’.
Il-ġlied jattira mijiet ta’ nies, bis-sidien jippikaw bejniethom biex jaraw ‘min minnhom għandu l-aktar kelb ġellied u brutali’. L-avvenimenti ta’ dogfighting ftit jirrispettaw limiti, bil-klieb jingħataw ‘inkoraġġiment’ biex jattakkaw lil xulxin kontinwament sakemm wieħed minnhom ikun iddikjarat rebbieħ.
Ħafna mill-klieb jispiċċaw f’għadira demm b’konsegwenza ta’ dan u fejn iġarrbu l-feriti terribbli. Mhix l-ewwel darba li kelb jitlef widna jew denb waqt xi konfront feroċi u hemm ukoll il-każi ta’ klieb imutu b’riżultat ta’ battalja ‘sal-aħħar nifs’.
Ir-regoli tal-ġlied jippermettu biex is-sidien tal-klieb, kultant, iżommu lill-annimali mill-kozz ta’ għonqhom biex jillimitaw l-isfreġju. Il-konfronti brutali huma anki mmexxija minn referi li juża injama biex jissepara lill-klieb fejn iqis li hu neċessarju. Dan waqt li l-membri tal-pubbliku jiġbdu ‘l-ispettaklu’ b’camcorders u telefons ċellulari, bis-sidien tal-klieb jgħajjtu mal-annimali tagħhom biex ikunu ‘aktar aggressivi’.
Il-belt ta’ Jiyuan tinsab fil-provinċja ta’ Henan u t-tradizzjoni tad-dogfighting hi waħda storika fiċ-Ċina – b’mod partikolari qalb il-komunitajiet etniċi tal-Uyghur u l-Hui.
Ma jeżistu l-ebda regoli li jevitaw il-krudeltà kontra l-annimali u li jistgħu jżommu dan l-ispettaklu barbaru milli jsir. Dan waqt li l-ġlied bejn il-klieb jibqa’ avveniment popolari speċifiku fl-ibnadi rurali taċ-Ċina.
//= $special ?>