Internazzjonali

Komplew il-protesti f’Bucharest kontra l-korruzzjoni

Eluf ta’ Rumeni fil-kapitali Bucharest issieħbu f’marċ, ftit sigħat wara r-riżenja tal-Prim Ministru tar-Rumanija, Victor Ponta, fejn komplew jipprotestaw dwar in-nirien fatali li qabdu f’nightclub tal-belt matul il-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt u fejn kienu rriżultaw 32 mejtin minbarra ħafna midruba.
Id-dimostrantiinsistew għal elezzjonijiet bikrin u biex ir-Rumanija tgħaddi minn aktar riformi politiċi.
Saru wkoll diversi rallies f’numru ta’ bliet Rumeni, fosthom Cluj, Timisoara u Constanta. Dan seħħ l-għada li folla ta’ eluf kbar ħarġet ukoll fit-toroq ta’ Bucharest f’azzjoni spontanja u fejn esprimiet rabja għat-telf ta’ ħajja fit-traġedja tan-nightclub.
It-tħassib li l-korruzzjoni fis-soċjetà Rumena qiegħda tikkomprometti s-sigurtà kompla jżid l-għadab tal-poplu kontra l-elit politiku li jinkludi lil Victor Ponta.
Id-dimostranti huma parti minn settur tal-popolazzjoni tar-Rumanija li ilu jilmenta dwar il-korruzzjoni fi ħdan il-Gvern u l-amministrazzjoni fqira tal-miżuri li jħarsu s-sigurtà. Huma, issa, qed jgħidu li r-riżenja ta’ Victor Ponta hi biss il-bidu tar-riforma għall-elit politiku.
Il-President tar-Rumanija Klaus Iohannis – li sejjaħ kemm-il darba biex Ponta jwarrab mill-kariga, mindu, f’Ġunju, beda jiżviluppa l-iskandlu dwar il-korruzzjoni – qed jinsisti għal taqliba sħiħa fil-politika ta’ pajjiżu, fid-dawl tar-riżenji tal-Prim Ministru u l-Gvern.