Il-laqgħa li l-Gvern organizza għall-ħaddiema tal-Isptar ta’ Għawdex hi l-konferma li l-uniku Sptar f’Għawdex se jiġi privatizzat billi jgħaddi f’idejn nies li se jħarsu lejn il-profitti.
Hekk qal ma’ Netnews.com.mt ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, l-għada li sar magħruf li l-Indjan Sri Ram Tumuluri hu wieħed mid-Diretturi u s-sidien tal-Konsorzju li se jkun qed jieħu f’idejh it-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, kif ukoll l-Isptarijiet Karin Grech u San Luqa.
Hu qal li l-Gvern qed jipprivatizza għal 30 sena l-uniku Sptar f’Għawdex biex issa l-Għawdxin iridu jmorru fi Sptar Privat jew jiġu f’Malta. Dan l-aħħar żvilupp iwassal ukoll għal inċertezza fost il-pazjenti Għawdxin.
Ix-Shadow Minister għal Għawdex qal li din il-laqgħa saret wara li l-Oppożizzjoni kienet ilha xhur titkellem dwar l-inċertezza li jinsabu fiha l-ħaddiema, li ma jafux x’se jsir minnhom wara dan it-tibdil u s’issa m’għandom xejn bil-kitba.
Mhux hekk biss, iżda saret ukoll wara xhur ta’ posponimenti matul dan is-Sajf, fakkar Chris Said.
//= $special ?>

