Wara li ftit tal-jiem ilu ġie żvelat li l-Konslu ta’ Malta għall-Alġerija – li ħareġ kważi 7,000 Visa – jiġi l-kuġin tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Muscat qed iwebbes rasu u jibqa’ sieket. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami qal li fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, Muscat għandu jwieġeb numru ta’ mistoqsijiet.
L-ewwelnett, jekk hux veru li l-persuna nominata għandha parentela miegħu, kif ukoll li din il-persuna m’għandha l-ebda esperjenza diplomatika u li qatt ma saret sejħa għal din il-kariga. Beppe Fenech Adami staqsa wkoll jekk fiż-żmien li nħarġu s-7,000 Visa, l-unika persuna li kienet qed taħdem fil-Konsolat Malti fl-Alġerija kien il-kuġin ta’ Muscat stess u Segretarja waħda.
Mistoqsija oħra hi jekk hux minnu, li bit-tama li dan l-iskandlu ma jissemmiex, il-Konslu nġieb lura mill-Alġerija u qed jerġa jaħdem f’Malta Enterprise.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg qal li l-ħruġ ta’ 7,000 Visa f’temp ta’ sena u nofs mhux każ normali. Qal li dan l-iskandlu jista’ jkollu wkoll riperkussjonijiet fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta, inkluż tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta, li t-titjiriet tagħha minn u lejn l-Alġerija jiġu mimlijin lejn Malta u jitilqu kważi vojta lejn l-Alġerija.
Fil-fatt, it-turiżmu mill-Alġerija hu negliġibbli u s-suq ta’ studenti Alġerini biex jitgħallmu l-Ingliż hu ineżistenti. Għaldaqstant, kompla Antonie Borg, il-Gvern għandu jispjega minnufih ir-raġuni wara l-ħruġ ta’ dawn il-Visas, kif ukoll jikkonferma jew jiċħad li ħafna min-nies li qed jiġu mill-Alġerija qed jagħmlu dan bħala l-pass tagħhom lejn il-bqija tal-Ewropa.
//= $special ?>