Internazzjonali

Mistennija tliet miljun immigrant fl-UE sal-2017

Qed ikun stmat li sal-2017, mat-tliet miljun immigrant ikunu daħlu fil-konfini tal-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif jaħarbu il-ġlied u l-faqar fis-Sirja u pajjiżi oħra u mistenni li aktarx dan kollu jkollu impatt pożittiv żgħir fuq l-ekonomija tal-UE.
Dan jirriżulta skont tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea għall-2015-17.
Qed ikun imbassar li din is-sena mal-miljun persuna se jidħlu fl-UE jfittxu kenn filwaqt li s-sena d-dieħla l-ammont ta’ nies li se jidħlu fl-UE se jkun aktar, dak ta’ 1.5 miljun persuna iżda fl-2017, in-numru mistenni jonqos għal madwar 500,000 persuna.
Ir-rapport qal li meta wieħed jieħu f’kunsiderazzjoni l-applikazzjonijiet għall-kenn li ma jiġux aċċettati, il-popolazzjoni tal-UE se tiżdied bi 0.4 fil-mija.
Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi, qal li l-immigranti setgħu jgħinu biex tissaħħaħ l-ekonomija tal-UE u jgħinu li z-zona ewro tirkupra matul dan il-perjodu.
Hu qal li dan kien imeri ċerti ideat dwar il-mewġa ta’ immigranti ta’ bħalissa kif ukoll jappoġġja l-ideat politiċi ta’ Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea.