Għawdex Lokali Qorti

Rumen il-ħabs u tnejn oħra taħt arrest preventiv dwar serqa f’Għawdex

Tliet Rumeni jitressqu l-Qorti ta’ Għawdex wara li nġiebu Malta b’mandat t’arrest Ewropew. Huma ġew arrestati r-Rumanija

Rumen intbgħat il-ħabs u tnejn oħra qed jinżammu taħt arrest preventiv wara li tressqu l-Qorti t’Għawdex dwar serqa minn ġojjellerija f’Għawdex stess f’Awissu li għadda. Is-serqa kienet saret fi Triq il-Palma fir-Rabat Għawdex fis-26 ta’ Awwissu li għadda.

It-tlett Rumeni, raġel ta’ 52 sena u ż-żewġ nisa waħda ta’ 59 sena u oħra ta’ 48 sena, inġiebu Malta mit-Turkija permezz ta’ mandat t’arrest Ewropew. Ir-raġel ammetta l-akkużi kontrieh u ntbgħat sentejn ħabs u multa ta’ €1,000. Iż-żewġ nisa wieġbu mhux ħatja u qed jinżammu taħt arrest preventiv.

Għalkemm tressqu tliet persuni, filmati tas-sigurtà kienu stabilixxew li l-persuni involuti kienu erbgħa. Dakinhar tal-każ, il-ħallelin daħlu fil-ħanut u talbu lill-impjegata turihom xi ġojjelli mill-vetrina. Hi refgħet id-deheb li kellha dak il-ħin u kompliet taqdi xi klijenti. Aktar tard, indunat li l-ġojjelli li kienet refgħet aktar kmieni ma kienux hemm.

Minn stħarriġ li sar, irriżulta li r-Rumeni kienu bdew iż-żjara f’Għawdex fil-25 ta’ Awwissu, jum qabel wettqu s-serqa. Wara s-serqa, l-erba’ persuni telqu minn Għawdex b’dgħajsa u, wara li għaddew il-lejl Malta, qatgħu biljett tal-ajru u l-Ħamis, 27 ta’ Awissu ħallew pajjiżna.

L-investigazzjonijiet kienu qed jitmexxew mill-Pulizija mill-Għassa tar-Rabat Għawdex u mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. Il-persuni setgħu jinġiebu lura wara li nħareġ u kien milqugħ Mandat tal-Arrest Ewropew.