Lokali

Tfal bl-awtiżmu jingħataw tablets bl-aħħar teknoloġija

Diversi tfal se jkunu qed itejbu l-ħiliet intellettwali tagħhom wara li l-Grupp Vassallo ppreżenta tablets bl-aħħar teknoloġija lill-Autism Parents Association.

Il-preżentazzjoni saret fil-Landmark Business Centre f’Ħal Qormi.

Ta’ kull sena, il-Grupp Vassallo jorganizza Dress Down Day fost l-impjegati kollha li permezz tagħha, kull impjegat ikun jista’ joffri ammont ta’ sigħat ta’ xogħol li jissarrfu fi flus għal kawża ġusta.

Il-Kap tar-Riżorsi Umani, Marketing u Komunikazzjoni, Charlò Bonnici, qal li b’differenza minn snin oħra, il-Grupp ħass li din is-sena kellu jinvesti fi proġett partikolari. It-tablets issa se jitqassmu lil tfal bl-awtiżmu biex jgħinuhom ikomplu jkabbru l-għarfien tagħhom fit-teknoloġija informatika.

L-Autism Parents Association tgħin lil familji bi tfal b’awtiżmu, bl-iskop ikun li toħloq iktar kuxjenza u għarfien fis-soċjetà dwar l-awtiżmu.

Is-sena d-dieħla, f’għeluq is-70 anniversarju tal-Grupp Vassallo, il-grupp se jestendi s-servizzi tiegħu fil-qasam tad-diżabilità bl-entità ĦILA, li se toffri servizzi nkluż fi djar residenzjali, fejn il-persuna titgħallem kif tista’ tgħix b’mod indipendenti u b’element ta’ sapport. Se jingħata wkoll taħriġ dwar dan is-settur.