Lokali

Uffiċċju ġdid għall-Ombudsman f’għeluq l-20 sena tiegħu

L-20 anniversarju mit-twaqqif tal-istituzzjoni tal-Ombudsman ġie ċċelebrat bil-ftuħ tal-uffiċċju l-ġdid ta’ din l-istituzzjoni li jinsab biswit il-bini ta’ Kastilja.

L-uffiċċju tal-Ombudsman kienet inizjattiva ta’ Gvern Nazzjonalista fl-1995, wara snin twal ta’ wegħdiet minn Gvern Laburista mmexxi minn Dom Mintoff. Inizjattiva ta’ twaqqif ta’ istituzzjoni li mhux biss waqqfet standards ta’ livell għall-istituzzjonijiet Maltin, imma tat ukoll opportunita’ liċ-ċittadin komuni li jiġġieled għad-drittijiet tiegħu.

L-ewwel Ombudsman kien Joseph Sammut, li ġie sostitwit mill-Ombudsman attwali Joseph Said Pullicino, li fl-inawgurazzjoni tal-uffiċċji ġodda fisser l-uffiċċju li jmexxi bħala pass ‘il quddiem fis-soċjeta’ li qed joffri opportunita’ liċ-ċittadini biex jieħdu azzjoni dwar l-inġustizzji.

Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li dan l-uffiċċju hu riflessjoni ta’ soċjeta’ li nbidlet maż-żmien, u magħha avvanzat l-istituzzjoni tal-Ombudsman, istituzzjoni li fissritha bħala importanti ħafna f’soċjeta’ fejn hemm bżonn li jiġu protetti d-drittijiet umani.

Hi għamlet ukoll numru ta’ mistoqsijiet, fost l-oħrajn dwar jekk hemmx bżonn li l-uffiċċju tal-Ombudsman ikompli jispeċjalizza, kif għamel fl-aħħar snin, u jekk għandux jissaħħaħ.

Qalet li l-ħsieb tagħha wara dawn il-mistoqsijiet hu biex titqajjem diskussjoni dwar ir-rwol u l-importanza ta’ din l-istituzzjoni.