Lokali

7 zoni fl-ibħra Maltin magħluqa jew restritti waqt iċ-CHOGM

Numru ta’ zoni fl-ibħra Maltin se jingħalqu jew inkella se jkollhom aċċess limitat f’ċertu perjodu waqt iċ-CHOGM. Transport Malta bagħtet notifika lill-baħħara li tlett zoni se jkunu restritti, filwaqt li se jkun hemm erba’ zoni oħra ta’ esklużjoni.

Iz-zoni restritti jinkludu zona mill-inħawi ta’ Pembroke sa’ Tigne, mill-25 ta’ Novembru sad-29 ta’ Novembru. F’din iz-zona se jkun hemm kuridur immaġinarju biex id-dgħajjes ikunu jistgħu jidħlu fil-bajja ta’ San Ġiljan u fil-marina ta’ Portomaso. Mill-bijqa ma jistax ikun hemm tbaħħir mal-kosta jew barra minn dan il-kuridur immaġinarju.

Zona oħra restritta se tkun qed tkopri minn Tigne sa’ Ras il-Ġebel u tkopri l-Port ta’ Marsamxett u l-Port il-Kbir u l-ebda opra tal-baħar m’hi se titħalla tbaħħar f’din iz-zona ħlief dawk awtorizzati nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru mis-7 ta’ filgħodu sat-3 ta’ waranofsinhar u nhar il-Ħadd 29 ta’ Novembru mis-7 ta filgħodu sas-6 ta’ filgħaxija.

It-tielet zona ristretta se tkopri minn Ras il-Qammieħ sa’ Ras id-Deheb. Mit-Tlieta 24 ta’ Novembru sat-Tnejn 30 ta’ Novembru, l-ebda opra tal-baħar m’hi se titħalla tbaħħar f’din iz-zona.

Fiz-zoni restritti se jkun hemm preżenza ta’ Pulizija, membri mill-Forzi Armati, minn Transport Malta, mill-Valletta Port Control u anke’ mill-Qawwa Navali Ingliża u kull baħħar għandu jsegwi l-istruzzjonijiet tagħhom.

Apparti minn hekk, se jkunu qed jidħlu fis-seħħ numru ta’ zoni ta’ esklużjoni marittima, fejn fil-ħin indikat m’għandu jsir l-ebda tbaħħir fihom. Għal dan il-għan se jkun hemm preżenza tal-Forzi Armati ta’ Malta li se jkunu awtorizzati li jużaw il-forza f’każ li jkun hemm min ma jsegwix din id-direttiva.

Fost iz-zoni ta’ esklużjoni marittima hemm zona partikolari li tkopri l-Port il-Kbir nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru mis-7 ta’ filgħodu sat-3 ta’ waranofsinhar u s-Sibt 28 ta’ Novembru mis-7 ta’ filgħodu sas-6 ta’ filgħaxija.

Zona oħra ta’ esklużjoni marittima hi dik li tkopri mill-inħawi ta’ Ħaġar Qim sa quddiem Ras il-Ħamrija nhar is-Sibt 28 ta’ Novembru mill-4 ta’ waranofsinhar sal-11 ta’ filgħaxija u z-zona tal-lukanda Golden Sands, li se tkun magħluqa għall-baħħara mit-Tlieta 24 ta’ Novembru sat-Tnejn 30 ta’ Novembru.

Zona oħra li se tkun restritta hi dik li tkopri l-fliegu bejn Malta u Għawdex nhar is-Sibt 28 ta’ Novembru mit-8 ta’ filgħodu sal-11 ta’ filgħodu u mill-4 ta’ waranofsinhar sas-6 ta’ filgħaxija. Mhux magħruf jekk dan ifissirx li f’dawn il-ħinijiet ma jistgħux isiru vjaġġi bil-Gozo Channel.

Sadanittant, gazzetti lokali żvelaw li ddaħħlu restrizzjonijiet anke għal waqt is-Summit tal-Immigrazzjoni, li se jsir il-ġimgħa d-dieħla. Fil-fatt, il-Ħamis li ġej, studenti li jattendu l-Kulleġġi Santa Klara u San Ġorġ Preca se jibdew il-lezzjonijiet sagħtejn aktar tard. Dan minħabba l-laqgħat li se jsiru fil-Belt bejn il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea.

L-Iskejjel affetwati jinkludu dawk tal-Gżira, Pembroke, San Ġwann, Tas-Sliema u San Ġiljan. L-Iskejjel fil-Blata l-Bajda u l-Ħamrun ukoll se jibdew sagħtejn aktar tard. L-Iskola Primarja tal-Belt se tkun ukoll magħluqa għall-ġurnata tal-Valletta Summit.