Il-Kremlin ħabbar li anki l-President Russu Vladimir Putin kien ordna li t-titjiriet kollha bejn ir-Russja u l-Eġittu jkunu sospiżi.
Dan b’reazzjoni għat-traġedja ta’ ġimgħa ilu fis-Sinai fejn iġġarraf ajruplan tal-kumpanija Russa Metrojet b’224 persuna abbord fuq vjaġġ minn Sharm el-Sheikh lejn San Pietruburgu.
Ir-Russja baqgħet kawta dwar il-kawża tat-traġedja u qalet li minkejja li ssospendiet it-titjiriet, dan ma kienx ifisser konferma li kienet bomba li wasslet għat-traġedja. F’dawn l-aħħar ġranet, kemm ir-Renju Unit kif ukoll l-Istati Uniti qalu li kollox qed jindika li kienet bomba abbord l-ajruplan li wasslet għal din it-traġedja.
Ftit wara t-traġedja, fergħa tal-ISIS fl-Eġittu qalet li kienet responsabbli għat-tiġrif tal-ajruplan. Huma kienu stqarrew li dan sar bi tpattija għall-intervent militari Russu fis-Sirja u qalu li fiż-żmien appropjat kienu se jiżvelaw kif poġġew il-bomba abbord.
F’Sharm el-Sheikh hemm eluf ta’ turisti Ingliżi mblukkati hekk kif twaqqfu t-titjiriet kollha. Bil-mod il-mod qed jaslu ajruplani biex jeħduhom lura pajjiżhom imma huma jistgħu jieħdu magħhom biss il-hand luggage.
Diversi pajjiżi oħra fosthom il-Belġju, l-Olanda, Franza u l-Ġermanja qed iħeġġu ċ-ċittadini tagħhom biex għalissa jevitaw li jivvjaġġaw lejn l-Eġittu.
Anki r-Russja tissospendi t-titjiriet lejn l-Eġittu
