Il-President tar-Rumanija Klaus Iohannis ħatar lill-Ministru għall-Edukazzjoni Sorin Campeanu bħala Prim Ministru proviżorju tal-pajjiż.
Campeanu qed jieħu post Victor Ponta li warrab mill-poter waqt protesti tal-massa kontra l-Gvern tiegħu li żbruffaw wara nirien qerrieda li qabdu f’nightclub ta’ Bucharest fejn mietu 32 persuna.
Ponta rriżenja minn Prim Ministru nhar l-Erbgħa b’konsegwenza tat-traġedja tan-nightclub u meta għexieren ta’ eluf ta’ nies ħarġu fit-toroq tal-ibliet, fosthom Bucharest, biex jinsistu għal ‘bidla profonda’ fil-Gvern fost dagħdigħa ta’ niket u rabja li ħakmet il-pajjiż.
In-nightclub inkwistjoni ma kienx awtorizzat biex jorganizza kunċerti jew il-wirja piroteknika li qed jingħad li wasslet għan-nirien li qerdu n-nightclub.
Ħafna fost id-dimostranti Rumeni huma tal-fehma li t-traġedja tissimbolizza l-fatt li ‘ma nbidel xejn fir-Rumanija’ li hi fost l-aktar pajjiżi Ewropej disposti għat-tkattir tal-korruzzjoni.
Victor Ponta innifsu kien ilu l-ġimgħat taħt pressjoni minħabba akkużi ta’ frodi, evażjoni tat-taxxa u ħasil ta’ flus. F’din is-sitwazzjoni hu sar l-ewwel Kap ta’ Gvern Rumen li qed ikun suġġett għal proċess tal-qorti dwar korruzzjoni.
Madankollu, ir-riżenja ta’ Ponta ma waqqfitx il-protesti, b’eluf ta’ dimostranti, fil-parti kbira żgħażagħ, joħorġu mill-ġdid fit-toroq ta’ Budapest, matul il-lejl tal-Ħamis, biex jesprimu l-għadab tagħhom. Din kien it-tielet lejla ta’ protesti konsekuttivi fil-kapitali Rumena, b’eluf oħra wkoll joħorġu jipprotestaw fi bliet ewlenin oħrajn tal-pajjiż.
Id-dimostrazzjonijiet qed jesprimu fuq kollox rabja għall-korruzzjoni fost il-klassi politika fir-Rumanija, meta n-nies fit-toroq qed iżommu lill-politiċi ‘responsabbli’ għall-imwiet fin-nightclub.
//= $special ?>