Nizar El Gadi ntbagħat għomru l-ħabs wara li, bi tmien voti kontra wieħed, instab ħati li qatel lill-eks mara tiegħu l-Avukat Margaret Mifsud f’April 2012.
L-Imħallef Antonio Mizzi li ta din is-sentenza ordna wkoll li għal kull sena li jiskonta El Gadi jagħmel 50 jum minnhom solitarju.
Hekk kif inqrat is-sentenza omm il-vittma qalet lil El Gadi li issa se jaqta’ xewqtu minħabba li kien jixtieq li jibqa’ jgħix Malta. L-akkużat deher jagħmel sinjal ta’ pistola lejn omm il-vittma.
Iktar kmieni meta nqara l-verdett, il-prosekuzzjoni talbet li El Gadi għandu jingħata sentenza ta’għomor il-ħabs filwaqt li l-familjari tal-vittma talbu li jkun f’taqsima ta’ iżolament. Id-difiża ta’ El Gadi saħqet li sentenza ta’ għomor il-ħabs tkun krudili wisq minħabba li El Gadi jrid jerġa’ jibni kuntatt ma’ uliedu. Id-difiża qalet ukoll li El gadi se jkun qed jappella mis-sentenza.
Matul dawn l-aħħar tliet ġimgħat il-Qorti semgħet numru ta’ xhieda li kienu jinkludu wkoll liż-żewġ ulied tal-vittma u l-akkużat.
//= $special ?>
