Internazzjonali

Franza tibgħat aircraft carrier kontra l-ISIS

Il-Gvern Franċiż se jibgħat l-uniku aircraft carrier tiegħu li jismu ‘Charles de Gaulle’ lejn il-Golf biex jgħin fil-battalja kontra l-militanti tal-ISIS, fl-Iraq u s-Sirja.

Il-bastiment inkwistjoni għandu jżid il-potenzjal tal-ajru għall-koalizzjoni militari mmexxija mill-Istati Uniti li, bħalissa, qed tolqot lill-interessi tal-ISIS fir-reġjun.

L-aircraft carrier, is-soltu, ikun akkumpanjat minn sottomarin, frejgati, vapuri għal refuelling u ajruplani li jaqdu missjonijiet ta’ sorveljanza.

Il-President ta’ Franza Francois Hollande ma qalx meta l-aircraft carrier għandu jitlaq mill-port ta’ Toulon, fil-Mediterran, għal sehem attiv fil-ġlieda kontra l-ISIS. Dan meta Franza għandha diġà 12 il-ajruplan militari (fighter) ibbażati fil-Ġordan u l-Emirati Għarab u li huma involuti sew fil-kumbattimenti kontra l-militanti.

Hollande insista li l-aircraft carrier ‘għandu jippermetti li l-Franċiżi jikkoordinaw b’mod aktar effiċjenti mal-alleati fil-konfront tal-ISIS’.