Lokali

Ippreżentati l-karozzi tal-Valletta Summit u ċ-CHOGM – wara jkunu irkantati għall-Istrina

Fil-Palazz tal-President Verdala kienu ippreżentati l-karrozzi uffiċjali li se jintużaw fil-Valletta Summit u fiċ-CHOGM. Wara li jintużaw għal dawn iż-żewġ summits, il-karrozzi kollha se jkunu irkantati fl-Istrina, għall-Malta Community Chest Fund f’irkant li se jsir is-Sibt 5 ta’ Diċembru.

Il-pubbliku se jkun jaf liema kapijiet ta’ stati u prim ministri se jkunu nstaqu f’dawn il-karrozzi.

F’dawn iż-żewġ summits se jintużaw 78 Volvo tat-tip XC60 u S60, li huma mgħammra bl-aqwa faċilitajiet ta’ sigurtà u effiċjenza skont kif jirrikjedu laqgħat ta’ din l-importanza. Għal dawn iż-żewġ summits se jkunu Malta 120 kap ta’ stat u madwar 2000 ġurnalist.

Il-Kelliem tat-Task Force taċ-CHOGM Kurt Farrugia indirizza konferenza tal-aħbarijiet waqt il-preżentazzjoni tal-karrozzi u sostna li f’dawn iż-żewġ summits Malta se sservi ta’ pont ta’ djalogu u paċi bejn diversi pajjiżi f’mument ta’ sfidi internazzjonali fosthom dik tas-sigurtà u tal-immigrazzjoni.

John Camilleri, f’isem il-Bord tal-Amministraturi tal-Malta Community Chest Fund qal li hu pożittiv li, kif sar għaxar snin ilu fl-ewwel CHOGM li kien sar Malta, il-karrozzi uffiċjali se jkunu irkantati. Dan għaliex il-Malta Community Chest Fund għandha sfidi kbar biex twettaq l-impenji tagħha. Din is-sena biss il-Malta Community Chest Fund diġà nefqet 2 miljun ewro; miljun ewro minnhom f’kura ta’ kimoterapija speċjalizzata u miljun ewro ieħor f’fondi assenjati lil diversi għaqdiet volontarji.