Futbol Sport

Partita sabiħa tintemm bla gowls

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

Tarxien u Mosta kellhom jikkuntentaw b’punt kull wieħed f’partita divertenti imma fiha ma rajna l-ebda gowl. Iż-żewġ timijiet, speċjalment Tarxien, kellhom l-okkażjonijiet tagħhom biex jirbħu l-partita, imma d-difensuri avversarji, immexxija miż-żewġ gowlkipers kienu bravi biex waqfu l-attakki tal-avversarji.

B’hekk kemm Mosta kif ukoll ir-Rainbows baqgħu trankwilli f’nofs il-klassifika, b’Tarxien punt iżjed mill-Blues. Jacques Scerri kowċ ta’ Tarxien baqa’ bl-istess formazzjoni li rebħet b’mod konvinċenti lil Qormi, waqt li Ivan Zammit biddel il-gowlkiper, Borg lagħab flok Cini u Dyson Falzon lagħab flok James Brincat li beda bħala riserva. Ian Zammit kien sospiż għall-Blues. Fit-tieni minuta ċans tad-deheb għal Mosta biex jiftħu l-iskor kmieni, minn kontrattakk ta’ Chukwide, xutt ta’ Murga ġie salvat minn Cassar, mir-rebound l-istess Chukwide xxuttja barra. Fl-għaxar minuta Tarxien impenjaw għall-ewwel darba lil Borg b’xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Ayrton Azzopardi li għal ftit ma ħasadx lill-gowlkiper Mosti. Man-nofsiegħa logħob, freekick ta’ Joao Pedro għadda barra.

Fl-ewwel taqsima r-Rainbows bdew jagħmlu iżjed il-partita u jippressaw lid-difiża Mostija bil-krossis inżidjużi. Fid-39 minuta minn freekick ta’ Azzopardi, daqqa ta’ ras ta’ Baker marret barra.

Eżatt qabel il-mistrieħ xutt ta’ Montebello ma sabx il-lasta.

Fil-bidu tat-tieni taqsima komplew tajjeb Tarxien li kellhom ċans, b’Hevia jqassam lil Montebello imma Borg ħareġ u salva u ftit wara fil-50 minuta, l-istess Montebello kellu ċans ieħor.

Fil-55 minuta Mosta ppruvaw minn Murga, u wara b’xutt bid-dawra ta’ Chukwide li ma sabx il-lasta. Fit-63 minuta Tarxien kellhom freekick ieħor inżidjuż ta’ Azzopardi li l-attakkanti Tarxieniżi għal ftit ma laħqux il-ballun, waqt li fil-65 minuta ġie l-aħjar ċans tal-partita għand Luke Montebello li mill-kaxxa żgħira ra lil Omar Borg isalva minn żewġ passi bogħod.

Sat-tmiem Tarxien kellhom ċans ieħor li jieħdu t-tliet punti, meta l-plejer tal-logħba Andeson Raimundo, qabeż anki l-gowlkiper Borg, għadda lejn Montebello li iżda xxuttja barra.