Internazzjonali

Putin ‘l-aktar influwenti fid-dinja’ għat-tielet sena konsekuttiva

Il-President tar-Russja Vladimir Putin issemma minn Forbes magazine bħala l-aktar persuna b’saħħitha u influenti fid-dinja. Din hi t-tielet sena konsekuttiva li Forbes irrikonoxxa li Putin b’dan il-mod.

Il-Mexxej Russu hu segwit mill-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel li tinsab it-tieni fil-lista. Il-President tal-Istati Uniti Barack Obama niżel mit-tieni għat-tielet post fil-lista ta’ Forbes, b’din tkun l-ewwel darba li President Amerikan fil-kariga ma spiċċax ‘mal-ewwel tnejn’.

Il-Papa Franġisku, intant, baqa’ jżomm ir-raba’ post (l-istess bħas-sena l-oħra) qabel il-President taċ-Ċina, Xi Jinping, li jinsab il-ħames. Fil-fatt, Xu Jinping niżel żewġ pożizzjonijiet wara li, fl-2014, kien it-tielet fil-lista ta’ Forbes għall-aktar persuni influwenti.

It-‘Top 10′ ta’ Forbes, din is-sena, jinkludu l-biljunarju Bill Gates, il-Prim Ministru Britanniku David Cameron u l-Prim Ministru tal-Indja Narendra Modi.