Il-wegħda u l-għajta ta’ dan il-Gvern li joħloq ix-xogħol f’Għawdex mhux biss taret mar-riħ iżda l-ħaddiema huma diżillużi għaliex mhux biss mhu qed jaraw ebda xogħol ġdid riesaq lejn il-gżira Għawdxija, iżda dak li għandhom ukoll qed jitteħdilhom.
Jirriżulta li madwar 15-il ġurnata ilu, sitt ħaddiema li kienu jmexxu s-servizz 153 tal-Gvern minn Għawdex marru għax-xogħol u sabu li dan ix-xogħol ittieħed kollu lejn Malta. Sal-lum, dawn il-ħaddiema għadhom iħarsu.
Is-servizz tal-153 huwa servizz fejn il-pubbliku jċempel għal kwalunkwe informazzjoni dwar dipartimenti tal-Gvern. Dan kien jiġi offrut bħala back office minn Għawdex għall-pajjiż kollu. Kien ġie trasferit lejn Għawdex fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Meta dan l-aħħar il-ħaddiema marru għax-xogħol, u wara li għal ħin twil it-telefown ma daqq xejn, ċemplu huma stess fuq in-numru 153 u minn irrispondihom qalilhom li issa dan qed jiġi offrut minn Malta. Ħadd ma ndenja jinfurmahom.
Dan il-manuvrar tal-Gvern tqajjem ukoll fil-Parlament. Ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said għamel żewġ mistoqsijiet parlamentari lill-Prim Ministru u lill-Ministru għal Għawdex.
It-tweġiba tal-Prim Ministru għal dawn il-mistoqsijiet ċari u sempliċi kienet mill-aktar sorpredenti u lanqas titwemmen – dik li t-tagħrif għadu qiegħed jinġabar – tweġiba li ma tagħti ebda indikazzjoni dwar jekk dan is-servizz ghadux jingħata minn Għawdex jew le.
Tweġiba li għal darb’oħra tkompli turi kif dan il-Gvern qiegħed ikompli jaħbi l-informazzjoni lill-poplu, u ma jkunx trasparenti.
Minn naħa l-oħra, il-Ministru għal Għawdex, flok ra kif dan jibqa’ jingħata minn Għawdex, wieġeb lix-Shadow Minister li dan is-servizz beda jingħata minn Malta għax se jiġi nkorporat f’servizz aktar wiesa’ ta’ one stop shop.
Il-Ministru għal Għawdex, iżda, ma weġibx lix-Shadow Minister Chris Said dwar jekk ġiex ikkonsultat u jekk approvax li s-servizz tat-telefonati 153 ma jibqax jingħata minn Għawdex.
F’kummenti lil Net News, ix-Shadow Minister Chris Said qal li mill-Ministru għal Għawdex kien jistenna li jiġġieled bil-qawwa biex dan ix-xogħol jibqa’ Għawdex, u l-one stop shop ikun ukoll f’Għawdex. Kien mistenni wkoll mill-Ministru għal Għawdex li għallinqas lill-ħaddiema jinfurmawhom x’qed jiġri.
//= $special ?>