Żewġ uffiċjali tas-sigurtà fl-Istat Amerikan ta’ Louisiana qed jiffaċċjaw akkużi ta’ omiċidju wara sparatura fatali li fiha tilef ħajtu tifel awtistiku ta’ sitt snin.
Il-vittma, Jeremy Mardis, u missieru, Chris Few, kienu ġo vettura meta qalgħu tiri ta’ arma tan-nar fl-inħawi ta’ Marksville.
L-inċident seħħ fil-lejl tat-Tlieta u l-uffiċjali (marshals) Norris Greenhouse u Derrick Stafford spiċċaw arrestati ftit ġranet wara li segwew lil Few b’karozza. Missier it-tifel – li nqatel fuq il-post – spiċċa kritikament midrub u, fil-preżent, jinsab l-isptar għall-kura.
L-arresti inkwistjoni seħħew nhar il-Ġimgħa wara li l-awtoritajiet evalwaw il-materjal minn body-cameras li ttieħdu lill-istess uffiċjali tas-sigurtà.
Il-qtil tat-tifel ixxokkja bil-kbir lill-poplu tal-Istati Uniti u għadu mhux ċar x’wassal biex iż-żewġ marshals isegwu l-vettura ta’ Few u Mardis.
Lanqas m’hu magħruf x’wassal għall-isparatura fatali, meta magħruf li l-marshals taħt akkuża kienu qed jaqdu d-doveri tas-sigurtà bħala biċċa xogħol sekondarju.
Greenhouse u Norris qed ikunu akkużati dwar omiċidju kif ukoll dwar attentat ta’ qtil b’konnessjoni mal-isparatura.
//= $special ?>