Lokali

Il-PN, kif dejjem kien, hu miftuħ għal reliġjonijiet differenti – Simon Busuttil

Il-Partit Nazzjonalista, kif dejjem kien, hu Partit miftuħ għal reliġjonijiet differenti, għalkemm imnebbaħ minn twemmin nisrani.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt konferenza dwar l-istat tal-liberta’ tal-esperessjoni bejn fehmiet reliġjużi differenti f’Malta.

Il-konferenza kienet organizzata mill-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista u apparti l-parteċipanti, kien hemm panel b’persuni ta’ fehmiet reliġjużi differenti, anke’ persuna atea.

Waqt il-konferenza spikkat diskussjoni inter-reliġjuża u partikolarment dwar il-valuri li għandu jħaddan il-Partit Nazzjonalista, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-valur dejjem kien li l-Partit ikun miftuħ u tolleranti għal reliġjonijiet differenti.

Id-diskussjoni tmexxiet mill-preżentatur Frank Psaila u kellha l-parteċipazzjoni tal-Imam Mohammed El Said, Dun Rene’ Camilleri, Laiq Ahmed Atif, Ramon Casha, Reverendu John Anthony Berry u Gail Debono – apparti l-parteċipazzjoni ta’ persuni li attendew għall-konferenza.

Waqt il-konferenza kienu diskussi wkoll numru ta’ suġġetti oħra, fosthom il-liġi proposta li tneħħi l-vilifikazzjoni tar-reliġjonijiet u s-suġġett tal-burka.

Fl-indirizz tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li l-prinċipji u l-valuri tal-Partit Nazzjonalista baqgħu dejjem l-istess matul iż-żmien, il-Gvern Laburista m’għandu l-ebda prinċipji u l-unika valur tiegħu hu l-istħarriġ pubbliku, Gvern li jdur skont fejn jonfoħ ir-riħ.