Il-proprjetà maestuża magħrufa bħala ‘El Fureidis’ li dehret kemm il-darba fil-film famuż Scarface tad-direttur Brian de Palma nbiegħet għal 12.26 miljun dollaru lil negozjant minn Houston li qed jittma li ‘jqatta’ l-Milied hemmehekk’.
Scarface kien għamel suċċess enormi fil-box office meta ħareġ fl-1983 u l-lokalità inkwistjoni intużat bħala r-‘residenza’ ta’ Tony Montana, il-karattru tal-mafjuż fittizju li kien interpreta tant tajjeb l-attur Al Pacino.
‘El Fureidis’ tfisser ‘Ġenna Tropikali’ bl-Ispanjol u fl-2008 kien stmat li jiswa mas-€36 miljuni wara li nxtara mill-finanzjatur Russu Sergey Grishin. Fil-fatt, din il-proprjetà, ħafna snin ilu, serviet bħala residenza għal diversi persuni distinti u ċelebri fosthom l-eks Prim Ministru Britanniku Winston Churchill u l-fiżiċista leġġendarju Albert Einstein.
Madankollu, l-istima inizjali tal-proprjetà maż-żmien kienet meqjusa bħala għolja wisq u tnaqqset b’madwar terz. Intant, il-proprjetà, sa fl-aħħar, inxtrat minn Pradeep Yohanne Gupta tal-bank għall-investiment privat IQ Holdings. Skont Gupta l-assoċjazzjoni ta’ din il-proprjetà ma’ Scarface ‘hi sempliċi punt ta’ statistika’ meta għalih, l-akbar attrazzjoni tagħha tibqa’ ‘l-istorja warajha u l-arkitettura’.
Din il-proprjetà tinsab f’Montecito, li jifforma parti minn Santa Barbara li tinsab fil-limiti ta’ Los Angeles.
//= $special ?>