Internazzjonali

Is-Sierre Leone ‘uffiċjalment ħielsa’ mill-Ebola

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat uffiċjalment lis-Sierra Leone bħala ħielsa mill-Ebola, bil-poplu ta’ dan il-pajjiż Afrikan jiċċelebra ‘t-trijonf’ fuq l-epidemija qattiela.

Mat-tokki ta’ nofs il-lejl tal-Ġimgħa ħarġu eluf ta’ nies fit-toroq tal-kapitali Freetown fejn iċċelebraw il-fatt li l-pajjiż ma rreġistra l-ebda każ tal-Ebola għal 42 jum konsekuttivi.

Iċ-ċelebrazzjonijiet fi Freetown komplew anki llum meta r-rappreżentant lokali tal-WHO għamel l-istqarrija uffiċjali li ‘s-Sierra Leone, issa, hi ħielsa mill-Ebola’.

L-epidemija inkwistjoni kienet qatlet qrib l-4,000 persuna fi Sierra Leone tul l-aħħar 18 il-xahar. Pajjiż ikun ikkunsidrat ħieles mit-trasmissjoni tal-virus ‘bejn il-persuni’ ladarba jgħaddu żewġ perjodi ta’ inkubazzjoni ( b’kull perjodu jkun validu għal 21 jum) mill-aħħar każ fejn persuna tkun ittestjat negattiv għat-tieni darba.

Il-Liberja kienet iddikjarata ħielsa mill-Ebola f’Settembru li għadda waqt li għadhom qed ifeġġu xi każi tal-epidemija fil-Guinea.