Internazzjonali

Jiżdiedu l-mejtin mit-traġedja fin-nightclub ta’ Bucharest

Mietu sitt persuni oħra mill-ġrieħi li ġarrbu b’kaġun tan-nirien li qabdu ġimgħa ilu ġo nightclub ta’ Bucharest, il-kapitali tar-Rumanija.

Skont iċ-ċifri aġġornati, mietu, s’issa, 38 persuna b’kaġun tat-traġedja. Erba’ fost is-sitta ġodda mietu l-isptar f’Bucharest, bit-tnejn l-oħra jmutu fl-Olanda fejn kienu ntbagħtu għal trattament urġenti.

In-nirien li, fit-30 ta’ Ottubru, ħakmu n-nightclub bl-isem Colectiv Club kienu dovuti għal logħob tan-nar li ttellgħu bħala parti mill-ispettaklu waqt kunċert.

L-inċident wassal għal protesti tal-massa f’Bucharest u bliet Rumeni oħrajn, fost ir-riżenja tal-Gvern li kien immexxi mill-eks Prim Ministru Victor Ponta.

Tliet sidien tan-nightclub spiċċaw arrestati fost allegazzjonijiet li l-kumpless tagħhom kien iffullat iż-żejjed u ma kellux l-ammont xieraq ta’ emergency exits. Jista’ jkun li s-sidien tal-Colectiv Club ma kenux awtorizzati biex jorganizzaw il-kunċert partikolari.

Fin-nirien ta’ dakinar indarbu għexieren tan-nies, b’aktar minn 100 għadhom qed ikunu trattati, fosthom 48 li jinsabu f’sitwazzjoni kritika.