Internazzjonali

L-ewwel laqgħa f’60 sena bejn il-Mexxejja taċ-Ċina u t-Tajwan

Il-Mexxejja taċ-Ċina u t-Tajwan ħadu sehem f’taħditiet storiċi f’Singapore, li kienu l-ewwel djalogu dirett bejn dawn il-ġirien Asjatiċi f’60 sena.

It-taħditiet fil-Lukanda Shangri-La huma meqjusa, fil-parti kbira, bħala simboliċi, bil-laqgħa ssir f’territorju meqjus bħala newtrali. Intant spikka l-mument fejn il-President Ċiniż Xi Jinping ħa b’idejn il-President Tajwaniż Ma Ying-jeou qabel beda d-djalogu.

Iċ-Ċina tqis lit-Tajwan bħala provinċja separatista li xi darba trid terġa’ tifforma parti mit-territorju Ċiniż. Iżda l-maġġoranza assoluta tat-Tajwaniżi jinsistu li qegħdin jgħixu fi Stat indipendenti u jinkwetaw dwar l-influwenza taċ-Ċina, li dejjem qed tiżdied.

Min-naħa tiegħu, il-Mexxej tat-Tajwan ħeġġeġ, waqt id-djalogu, biex ‘kull naħa tirrispetta l-valuri u l-mod tal-għajxien tan-naħa l-oħra’. Il-President taċ-Ċina, imbagħad, aċċenna għall-fatt li ċ-Ċiniżi u t-Tajwaniżi huma parti minn familja waħda.

Xi Jinping qal ukoll li l-laqgħa fetħet kapitlu storiku fir-relazzjonijiet ta’ Beijing ma’ Tajpej iżda waqt li t-taħditiet kienu pożittivi u kordjali ma jidhirx li ntlaħqu xi ftehim bilaterali notevoli. Madankollu, ir-relazzjonijiet bejn iċ-Ċina u t-Tajwan jidhru li tjiebu mindu ħa l-poter Ma Ying-jeou, bir-rabtiet ekonomiċi u t-turistiċi jingħataw spinta.

Filwaqt li ma kenux ċari r-raġunijiet għas-summit tal-bieraħ, hu minnu li l-President Ma qed jippromwovi rabtiet eqreb maċ-Ċina meta t-Tajwan qed iħejji għall-elezzjoni Presidenzjali ta’ Jannar.

Iżda t-tħassib sostanzjali dwar l-influwenza taċ-Ċina qed iqajjem reazzjonijiet ta’ għadab fost it-Tajwaniżi, fejn f’Tajpej saru protesti ‘ta’ qabel it-taħditiet’ bi grupp ta’ dimostranti jipprova jidħol fil-bini tal-Parlament.

Għall-kuntrarju, l-istampa tal-Istat fiċ-Ċina faħħret il-laqgħa f’Singapore, bl-editorjal ta’ gazzetta ewlenija tal-Partit Komunista tfaħħar id-djalogu bħala ‘rebħa għall-paċi u s-sens komun.’

It-Tajwan infired maċ-Ċina fil-gwerra ċivili tal-1949, li kienet intrebħet mill-komunisti u fejn in-nazzjonalisti ħarbu lejn il-gżira inkwistjoni fejn kienu waqqfu Gvern.