Internazzjonali

Tikber il-possibbiltà li l-ajruplan Russu inqered minn bomba

Il-Ministru Eġizzjan għall-Affarijiet Barranin Sameh Shoukry akkuża numru ta’ pajjiżi li ma semmiex b’isimhom talli naqsu milli jaqsmu informazzjoni sigrieta relatata għat-tiġrif tal-ajruplan tal-passiġġieri Russu li seħħ jiem ilu fis-Sinaj.

Dan meta l-Istati Uniti u r-Renju Unit qalu li l-investigazzjoni tas-servizzi sigrieti tindika possibbiltà kbira li l-ajruplan tal-linja Metrojet inqered minn splużjoni ta’ bomba.

Mietu b’kollox 224 persuna fit-tiġrif tal-Airbus li kien qed itir minn Sharm el-Sheikh lejn San Pietruburgu fir-Russja. Il-maġġoranza tal-vittmi kienu Russi u fil-preżent, ir-Renju Unit hu fost il-pajjiżi li waqqfu t-titjiriet lejn Sharm el-Sheikh fost ir-ripatrijazzjoni tat-turisti.

Sadanittant, uffiċjali tal-avjazzjoni Franċiżi qalu li t-tiġrif tal-ajruplan ma kienx dovut għal xi difett tekniku. Dan wara li uffiċjali Franċiżi oħra tennew li d-data recorder tal-ajruplan tissuġġerixxi li t-traġedja seħħet minn ‘splużjoni vjolenti għall-għarrieda’.

Fi żviluppi oħra, uffiċjali tar-Renju Unit qalu li l-kuntatti bejn entitajiet militanti li ġew interċettati jindikaw li kienet tpoġġiet bomba fl-istiva tal-ajruplan. Il-militanti fis-Sinaj li għandhom ir-rabtiet mal-grupp ISIS qalu, jiem ilu, li kienu huma li waqqgħu l-ajruplan iżda mingħajr ma pprovdew provi u dettalji.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Shoukry qal li l-Eġizzjani huma l-aktar nies konnessi mill-qrib mal-kwistjoni u jistennew li l-informazzjoni pprovduta fuq livell tekniku tingħata lilhom fuq dan il-livell minflok tinħareġ pubblikament lill-istampa. Shoukry qal ukoll li l-Eġittu qed jikkoopera biex jaċċerta lill-pajjiżi kkonċernati li l-miżuri tas-sigurtà adottati fl-ajruporti Eġizzjani jikkonformaw ma’ kriterji internazzjonali.

Sadanittant, rapporti speċifiċi ġodda rreferew għal inċident li seħħ daqs xahrejn ilu fejn ajruplan tal-passiġġieri tat-Thomson Airways kellu jevadi missila militari waqt l-inżul fl-ajruport ta’ Sharm el-Sheikh. Fuq l-ajruplan kien hemm 189 persuna li l-maġġoranza tagħhom kienu turistiċi Britanniċi li riedu jqattgħu btajjel fl-Eġittu.

Wieħed mir-rapporti qal li l-missila kienet għaddiet sa 1,000 pied biss ‘il bogħod mill-ajruplan, bil-bdot idawwar il-jet lejn ix-xellug biex ma jintlaqatx.

Il-linja Thomson u d-Dipartiment tat-Trasport Britanniku kkonfermaw li l-inċident seħħ fit-23 ta’ Awwissu iżda l-investigazzjonijiet ikkonkludew li l-ajruplan ma kienx ‘mira ta’ xi attakk’.