Numru konsiderevoli ta’ Alġerini li minn Marzu tal-2014 ‘il quddiem ingħataw il-Visa biex setgħu jidħlu f’Malta, għamlu dan wara arranġamenti biex jiġu Malta daqslikieku se jitgħallmu l-Ingliż f’waħda mill-iskejjel privati li toffri dan is-servizz.
Il-gazetta Il-Mument illum fi storja ta’ Joe Mikallef żvelat kif kien jeżisti ċirku organizzat bis-sehem ta’ numru ta’ persuni f’Malta u oħrajn f’Algiers. Fil-belt kapitali Alġerina hemm il-Konsolat Malti li kien jitmexxa minn Robert Falzon. F’Awwissu li għadda, Robert Falzon temm il-ħatra tiegħu fl-Alġerija u issa qiegħed jaħdem fil-Malta Enterprise. Inċidentalment ukoll Robert Falzon huwa kuġin tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument fissru li qabel mal-Visa lill-Alġerini kienu jinħarġu mill-Konsolat f’Algiers, kienu jinħarġu minn Ambaxxata fl-Unjoni Ewropea. Madankollu mill-bidu tas-sena l-oħra, l-Gvern iddeċieda li jiftaħ Konsolat Ġenerali Malti biex minn hemmhekk imexxi numru ta’ bżonnijiet konsolari.
Minn ftit ġimgħat biss wara, beda l-ħruġ tal-Visa lil persuni Alġerini li riedu jakkwistaw il-Visa lejn Malta sempliċiment biex minn pajjiżna jibqgħu sejrin lejn il-qalba tal-Ewropa.
Il-Mument tiżvela kif malajr kien stabbilit proċess li ssarraf fi ħruġ ta’ Visa lil persuni Alġerini li b’hekk kellhom id-dokumenti meħtieġa biex setgħu jivvjaġġaw lejn Malta. Bosta minn dawn il-persuni ġabu r-raġuni għaż-żjara tagħhom f’Malta biex jitgħallmu l-lingwa Ingliża. Fid-dokumenti li dawn l-Alġerini mlew saħansitra jsemmu wkoll l-isem tal-Iskola tal-Ingliż f’Malta fejn suppost kellhom jagħmlu perijodu ta’ xhur jistudjaw l-Ingliż. Jingħad li dawn kienu ħallsu wkoll mal-€5,000 kull persuna biex jiġu jitgħallmu l-Ingliż f’din l-iskola partikolari.
Dan kollu kien pjan fittizju biex warajh l-Alġerini setgħu jingħataw il-Visa u hekk jiġu Malta u mill-ajruport jaqbdu titjira oħra lejn il-qalba tal-Ewropa.
Ġie żvelat ukoll kif persuna rappreżentanta tal-Iskola, kull meta kienu jiġu l-Alġerini Malta biex suppost jitgħallmu l-Ingliż, kienet tmur tilqa’ lil dawn is-suppost studenti u jkomplu jkunu mimlija ċerti dokumenti. F’ħafna mill-każi dawn is-suppost studenti anqas biss ħarġu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, iżda telqu minn pajjiżna wara ftit biss sigħat.
Darba din il-prattika bdiet tiffunzjona u l-Alġerini tkellmu bejniethom dwar kif kien qed jirnexxielhom jiksbu l-Visa biex jidħlu fil-qalba tal-Ewropa minn Malta, aktar u aktar Alġerini bdew jitħajru tant li ż-żewġ titjiriet li kienet tħaddem minn Algiers lejn Malta l-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta kien spiċċaw ikunu dejjem mimlija bil-passiġġieri.
Jirriżulta li kemm-il kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta kif ukoll il-Gvern kienu jiftaħru li din ir-rotta kienet waħda ta’ suċċess kbir. Li iżda jidher li ħadd ma kien qed jinnota u josserva kien li t-titjiriet minn Malta lejn Algiers kienu jkunu prattikament vojta! Dan kien ifisser li allura l-passiġġieri Alġerini li kienu qed jiġu Malta; min bl-iskuża tal-istudju u min bl-iskuża li hu turist – ma kienux qed jibqgħu Malta!
Is-sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument fissru li kien fis-sajf li għadda li l-awtoritajiet konċernati għokrithom għajnhom dwar dak li kien qed jiġri u kien hemm min ġibed l-attenzjoni li din is-sitwazzjoni mhux biss ma kenitx sostenibbli, imma kienet mill-aktar perikoluża.
Jirriżulta li min oriġinarjament ta dan il-parir twarrab. Is-sitwazzjoni kompliet tikkomplika ruħha u sar jaf ukoll il-Konslu Ġenerali Robert Falzon. F’Awwissu li għadda Falzon rritorna Malta u ftit wara reġa’ sab postu jaħdem fil-Malta Enterprise.
//= $special ?>