Internazzjonali

Anzjana fl-Awstrija teqred il-fortuna personali biex tisfida lill-eredi

Mara Awstrijaka ta’ 85 sena litteralment qerdet fortuna personali ekwivalenti għal kważi miljun ewro biex ’tisfida’ lill-eredi tagħha.

Rapporti qalu li l-mara ‘qattgħet’ mad-950,000 ewro fi flus kontanti flimkien ma’ kotba tas-savings qabel mietet f’dar għall-anzjani, fl-Awstrija.

Ħadd ma jaf x’setgħu għamlu l-eredi biex idejqu daqshekk lil din il-mara iżda nifhmu li hi xorta tilfet ‘il-battalja’. Dan wara li l-Bank Ċentrali tal-Awstrija impenja ruħu biex jagħmel tajjeb għall-flus li rnexxielha teqred.

Il-flus u l-kotba tas-savings imqattgħin instabu biss wara l-mewt tal-mara.

Intant, il-Prosekutur tal-Istat Erich Habitzl ikkonferma l-iskoperta tal-flus imqattgħin u qal li hu ‘ma seta’ jagħmel xejn għall-qraba tal-mara meta l-kwistjoni mhix waħda kriminali’.

Madankollu, il-Bank Ċentrali tal-Awstrija jidher li se jsalva l-eredità tal-werrieta. Kelliema qalu li ‘jekk l-eredi jsibu biss ‘partijiet’ tal-flus u jipprovdu garanziji tal-oriġini, dan ikun biżżejjed biex isalvaw l-ammont inkwistjoni’