L-iżviluppi li seħħew f’nofs din il-ġimgħa bir-riżenja ta’ Joe Cassar minn Deputat fil-Parlament mhux biss kabbru l-pressjoni fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat iżda qed iwasslu messaġġ qawwi fost il-poplu li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon jaf wisq u b’saħħtu wisq biex jibqa’ jżomm iebes u ma jirriżenjax minn membru tal-Kabinett.
Fi storja tal-ġurnalist Joe Mikallef il-gazzetta Il-Mument stqarret li tkellmet ma’ diversi sorsi fil-Partit Laburista dwar il-ġejjieni politiku ta’ Michael Falzon. Huma qalu li r-riżenja jew le ta’ Michael Falzon minn Segretarju Parlamentari tiddependi biss minn kif se jaġixxi l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil b’deċiżjonijiet bħalma ħa kmieni din il-ġimgħa dwar il-każ ta’ Joe Cassar qiegħed ikompli jwassal politika ċara u nadifa, il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab maqbud f’morsa dwar il-passi li suppost għandu jieħu u li ħafna qegħdin jistennew fil-konfront tas-Segretarju Parlamentati Michael Falzon. Is-Segretarju Parlamentari Falzon jinsab fiċ-ċentru ta’ sensiela ta’ kontroversji li jirrigwardaw l-operat tad-Dipartiment tal-Artijiet, li responsabbiltà aħħarija taqa’ f’ħoġor il-Prim Ministru.
Laburisti influwenti u b’karigi fl-istrutturi tal-Partit Laburista li tkellmu ma’ Il-Mument fissru bħala “ħniżrijiet” l-iskandli li ħarġu fil-pubbliku b’rabta mal-operat tad-Dipartiment tal-Artijiet. Dawn l-iskandli jippuntaw lejn is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon kif ukoll lejn il-Prim Ministru biex jerfgħu r-responsabbiltà politika minħabba li huma responsabbli minn dan id-dekasteru li huma mifni bi skandli li jinvolvu artijiet u proprjetajiet.
L-osservaturi li tkellmu ma’ Il-Mument żiedu li l-każ tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon fl-iskandlu ta’ Triq Zekka hu eżempju ta’ kemm idejn il-Prim Ministru Joseph Muscat huma marbuta u li mhux ħieles li jaġixxi minnufih kontra Michael Falzon. Tant hu hekk li kellhom jgħaddu għadd ta’ xhur minn meta kienu żvelati d-dettalji tal-iskandu ta’ Triq Zekka fejn il-Gvern approva li Mark Gaffarena jingħata bi €3.5 miljun f’artijiet u fi flus kontanti u l-Prim Ministru Joseph Muscat bil-kemm tkellem fuq Michael Falzon li qed imexxi dekasteru li jaqa’ direttament taħt il-Portafoll tal-Prim Ministru.
L-istess osservaturi rrimarkaw kif is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon fil-ġimgħat li għaddew ammetta – wara li ġew żvelati dettalji fil-media dwar l-iskandlu ta’ Strada Zekka – li siefer ma’ Mark Gaffarena u anke ltaqa’ miegħu fl-aħħar sena f’Kastilja kien hu li ffirma l-kuntratt fl-aħħar.
Lil hinn mill-iskandlu ta’ Triq Zekka, isem Michael Falzon matul ix-xhur li għaddew kien involut ukoll mal-iskandlu tal-Bank of Valletta u l-mod kif irtira kmieni mill-Bank b’pakkett finanzjarju ta’ madwar €260,000.
Intant dwar is-sitwazzjoni ta’ Michael Falzon il-Prim Ministru Joseph Muscat ġie mistoqsi minn The Sunday Times of Malta f’intervista. Muscat iżda ħarab mill-mistoqsija dwar jekk Michael Falzon għandux jirriżenja u qal biss li huwa kien ser jistenna r-rapport tal-Uffiċju tal-Awditur Nazzjonali. Dan anke hekk kif fl-istess intervista Joseph Muscat saħaq li Michael Falzon huwa responsabbli direttament mid-Dipartiment ta’ l-Artijiet bl-istess Falzon mbgħad jaqa’ taħt ir-responsabbilita’ diretta tal-Prim Ministru.
//= $special ?>